Diskussjoni organizzata mill-Union Print flimkien mal-Għaqda Pensjonanti tal-GWU
Il-prijorità li ngħatat lill-anzjani fil-Budget 2027 kienet it-tema ewlenija li fuqha nbniet diskussjoni organizzata mill-Union Print flimkien mal-Għaqda Pensjonanti tal-General Workers’ Union.
Id-diskussjoni ffukat il-miżuri kollha li jolqtu lill-anzjani kif ukoll is-servizzi offruti mill-Gvern biex tissaħħaħ l-anzjanità attiva, titjieb il-kwalità tal-ħajja tagħhom, u tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni tagħhom f’attivitajiet komunitarji, fosthom dawk organizzati mill-Kunsilli Lokali.
Il-ftuħ tad-diskussjoni sar mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri li fisser kif, budget wara l-ieħor, dejjem kellu fil-qofol tiegħu, l-anzjani. Dawn huma riflessi fil-miżuri speċifiċi għall-anzjani fosthom iż-żieda ta’ €10 fil-ġimgħa u li mis-sena 2027 ’il quddiem, se jkun permess li jsir trasferiment ta’ kontribuzzjonijiet bejn konjuġi li jkollu pensjoni għal konjuġi li ma jkollhiex pensjoni.
Camilleri żied jirreferi għall-isfida demografika li qed jiffaċċja pajjiżna, bħal bosta pajjiżi Ewropej oħra, dik li filwaqt li l-popolazzjoni qed tkompli tixjieħ, ir-rata tat-twelid qed tkompli tonqos. Huwa enfasizza wkoll l-importanza li l-pajjiż jagħraf jagħmel użu mit-talenti u mill-esperjenzi tal-anzjani, sabiex dawn jibqgħu attivi fis-soċjetà.
Waqt l-istess diskussjoni sar intervent mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Dr Deo Debattista li qal li f’dawn l-aħħar 12-il sena, Gvern Laburista dejjem żied il-benefiċċji lejn l-anzjani, bir-riżultat li l-pensjoni llum hi li hi. “Illum il-pensjoni tant żidnieha gradwalment u se nibqgħu nżiduha, għax hi wegħda elettorali tagħna. Barra minn hekk żidna diversi benefiċċji. Wieħed irid jikkunsidra wkoll kemm tjieb il-qasam tas-saħħa u l-progress li sar f’oqsma oħra,” qal is-Segretarju Parlamentari Debattista.
Żied jgħid li l-anzjanità attiva hija għal qalb dan il-Gvern filwaqt li stqarr li lllum il-ġurnata qed ngħixu aktar. Irrefera wkoll għat-titjib li sar fl-Isptar San Vinċenz de Paul kif ukoll għas-servizzi offruti fid-djar, bil-għan li jkompli jingħata appoġġ lill-anzjani u b’hekk tissaħħaħ l-anzjanità attiva.
Investiment fil-kwalità tal-ħajja tal-anzjani
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani (OPSA), is-Sur George Fenech, qal li l-OPSA tħares lejn il-Budget 2027 bħala investiment fil-kwalità tal-ħajja tal-anzjani. Irrefera għal diversi miżuri fosthom iż-żieda fil-benefiċċju tal-Carer at Home għal €9,800 fis-sena kif ukoll miżuri oħra li jindirizzaw id-dħul u s-sigurtà finanzjarja tal-pensjonanti.
Semma kif l-Awtorità qed tkompli taħdem biex tiżgura li l-investiment fis-settur ikun akkumpanjat minn standards ċari, servizzi responsabbli u mekkaniżmi effettivi ta’ monitoraġġ. Qal li l-ħidma tal-OPSA għandha rwol importanti biex tiżgura li d-dinjità tal-persuni anzjani ma tibqax biss prinċipju miktub fuq il-karta, iżda ssir realtà fil-prattika.
“Il-ħidma tagħna tirrifletti impenn ċar favur kura ta’ kwalità, protezzjoni, rispett u servizzi li jqiegħdu lill-persuna anzjana fiċ-ċentru ta’ din il-ħidma. Permezz tal-istandards regolatorji, il-monitoraġġ, l-ispezzjonijiet, l-investigazzjonijiet u l-ħidma tal-fornituri tas-servizzi, l-Awtorità qed tkompli ssaħaħħ il-qafas ta’ responsabiltà u l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani,” tenna s-Sur Fenech.
“Il-Kunsilli Lokali jibqgħu sors ta’ servizz importanti għall-komunità”
Is-Segretarju Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL) Lianne Cassar enfasizzat li l-Kunsilli Lokali jibqgħu sors ta’ servizz importanti għall-komunità, fejn ir-residenti kollha, irrispettivament mill-oriġini, l-età jew l-isfond tagħhom, jistgħu jsibu l-għajnuna u l-appoġġ meħtieġ.
F’dan ir-rigward, spjegat li l-ħaddiema tal-Kunsilli Lokali qed jingħataw it-taħriġ meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jassistu lir-residenti anke fil-mili ta’ formoli u applikazzjonijiet. Qed tingħata wkoll attenzjoni partikolari lit-taħriġ fil-qasam tas-servizz lill-klijenti (Customer Care), bil-għan li titjieb l-assistenza offruta lill-pubbliku.
Cassar fakkret ukoll li l-Kunsilli Lokali għadhom punt ta’ referenza importanti għal ħafna persuni anzjani. Għaldaqstant, ħeġġithom sabiex ma joqogħdux lura milli jfittxu l-għajnuna u jikkomunikaw mal-Kunsill Lokali tagħhom meta jkollhom bżonn xi servizz jew informazzjoni.
Tenniet li l-Assoċjazzjoni qiegħda taħdem f’koordinazzjoni mal-Kunsilli Lokali sabiex ċerti servizzi jitressqu aktar qrib il-komunitajiet. Bħala eżempju, issemma s-servizz tat-tiġdid tal-karti tal-identità, li ttieħdet inizjattiva sabiex ikun aktar aċċessibbli għar-residenti fil-lokalitajiet tagħhom.
Punt ieħor li ġie enfasizzat kien dak tat-tagħlim tul il-ħajja (Lifelong Learning), fejn jiġu offruti diversi opportunitajiet ta’ taħriġ u tagħlim. Cassar ħeġġet lill-anzjani, sabiex japplikaw għal dawn l-opportunitajiet u jipparteċipaw b’mod attiv fl-attivitajiet organizzati.
Aktar benefiċċji għall-pensjonanti
Id-diskussjoni ngħalqet b’intervent mill-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Dr Michael Falzon, li spjega kif l-allokazzjoni fil-Budget għall-qasam soċjali tammonta għal €2.85 biljun, li parti sostanzjali minnhom huma benefiċċji għall-anzjani.
Huwa elenka diversi miżuri li jolqtu direttament lill-pensjonanti, fosthom iż-żieda fil-pensjonijiet u l-benefiċċji għall-pensjonanti romol. Semma wkoll aġġustament addizzjonali għall-persuni mwielda qabel l-1962, kif ukoll il-miżura relatata mat-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali bejn il-konjuġi.
Dawn il-miżuri ġew ippreżentati bħala parti mill-ħidma tal-Gvern fil-qasam soċjali, b’enfasi fuq l-appoġġ finanzjarju u t-titjib fil-benefiċċji għall-anzjani u l-pensjonanti.
Sadanittant, waqt id-diskussjoni, il-kelliema ewlenin wieġbu għal għadd ta’ mistoqsijiet li sarulhom minn dawk preżenti.
