L-Ewroparlamentari Laburista Dr Daniel Attard mexxa delegazzjoni uffiċjali tal-Parlament Ewropew fil-Malasja, f’żjara ta’ livell għoli ffukata fuq it-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali u strateġiċi bejn l-Unjoni Ewropea u dan il-pajjiż ewlieni fix-Xlokk tal-Asja.
Matul iż-żjara f’Kuala Lumpur u fl-Istat ta’ Sarawak, Attard mexxa taħditiet mal-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Malasja, mal-Ministeri responsabbli għall-Investiment, il-Kummerċ u l-Industrija, u għat-Turiżmu, l-Arti u l-Kultura. Il-programm inkluda wkoll taħditiet mal-Viċi Prim Ministru tal-Istat ta’ Sarawak, mal-Ambaxxatur tal-UE u ma’ diversi ambaxxaturi tal-Istati Membri.
Id-diskussjonijiet iffukaw fuq il-kummerċ u l-investiment, kif ukoll fuq kooperazzjoni fl-enerġija nadifa, fit-trasport, fit-telekomunikazzjonijiet, fl-edukazzjoni u fl-intelliġenza artifiċjali.
Il-kummerċ bejn l-UE u l-Malasja laħaq kważi €50 biljun fl-2025. Iż-żjara saret ukoll fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin biex iż-żewġ naħat jikkonkludu ftehim ta’ kummerċ ħieles, li jista’ jiftaħ opportunitajiet ġodda għall-esportazzjoni u l-investiment.
Id-delegazzjoni ltaqgħet ukoll ma’ rappreżentanti ta’ kumpaniji multinazzjonali ewlenin, fosthom Airbus, BMW, Ericsson, Stellantis u STMicroelectronics, b’diskussjonijiet dwar l-opportunitajiet u l-isfidi għall-industrija Ewropea fir-reġjun.
F’Kuala Lumpur saru wkoll skambji mas-soċjetà ċivili dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-sostenibbiltà. F’Sarawak, id-delegazzjoni żaret università u ċ-ċentru tagħha ta’ Erasmus+, fejn ġiet diskussa l-kooperazzjoni fl-edukazzjoni u r-riċerka.
“F’kuntest ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi u kompetizzjoni dejjem aktar qawwija bejn il-potenzi, l-Ewropa trid tiddiversifika s-swieq tagħha biex tnaqqas id-dipendenzi ekonomiċi li jesponuha għal riskji. Il-Malasja hija sieħba importanti f’din il-ħidma. Irridu li din il-kooperazzjoni tiftaħ aktar opportunitajiet għan-negozji u għall-ħaddiema tagħna, inkluż f’Malta,” qal Attard.
