Thursday, February 6, 2025

Demokrazija fjakka mill-MAM

Aqra wkoll

Sakemm kont qed inħejji din il-kitba kienet għadha għaddejja t-tilwima li l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) għandha mal-Gvern. Mhux se nidħol fiha mhux għax mhux suġġett interessanti imma għax apparti dak li qed ikun kontestat mill-MAM, żvolġa punt interessanti dwar id-‘demokrazija’ li l-MAM tħaddem fil-konfront tal-membri tagħha.

Qed nibbaża l-argument tiegħi fuq dak li qrajt u li ma jidhirlix li ġie kontestat mit-tmexxija tal-MAM. Qrajt li madwar 200 tabib membru tal-MAM, li allura jammontaw għal madwar 20% tal-membri kollha, talbu li ssir Laqgħa Ġenerali Straordinarja. Dan fid-dawl tal-fatt li l-MAM ilha ma tlaqqa’ lill-membri tagħha f’laqgħa ġenerali għal dawn l-aħħar sentejn.

Ġie rappurtat li l-President tal-MAM, Dr Martin Balzan, ma ċaħadx dan imma ġġustifika dan in-nuqqas għax skont hu l-Laqgħa Ġenerali Annwali kienet l-aktar sservi biex ikunu approvati l-accounts tal-MAM. Ġie rappurtat ukoll li l-istess President qal li dawn issa qed ikunu verifikati u approvati separatament.

Kien hemm ukoll il-każ ta’ vot ta’ sfiduċja fit-tmexxija tal-MAM li minn dak rappurtat jirriżulta li l-Eżekuttiv tal-MAM iddiskuta u ddeċieda hu nnifsu fuq din it-talba flok ma mar quddiem il-membri kollha f’laqgħa ġenerali straordinarja. Jidher li l-11-il membru tal-Eżekuttiv ivvutaw għalihom infushom flok il-mijiet ta’ membri li jiffurmaw l-assoċjazzjoni.

Finalment kien rappurtat ukoll li l-President tal-MAM qal li laqgħa ġenerali tal-assoċjazzjoni ssir wara li tkun riżolta l-kwistjoni pendenti li għandhom mal-Gvern.

Jekk dawn huma l-fatti, u nerġa’ ngħid li ma jidhirlix li ġew kontestati min-naħa tal-MAM, allura l-MAM għandha problema serja ta’ nuqqas ta’ demokrazija. U ngħid għaliex nemmen hekk.

Il-fatt waħdu li union ta’ din il-portata ilha ma tlaqqa’ lill-membri tagħha f’laqgħa ġenerali għal sentejn diġà huwa aktar minn biżżejjed. Għaliex? Għax nuqqas bħal dan jirrifletti biss nuqqas ta’ trasparenza. Nuqqas ta’ kontabilità. Nuqqas ta’ parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-membri tagħha. Kif jista’ jkun hemm parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-membri jekk dawn ma jitlaqqgħux?
Il-membri tal-MAM qegħdin jinżammu fil-għama. Ma jafux x’inhu għaddej f’isimhom għajr li jinħarġulhom direttivi x’isegwu. Allura l-membri m’għandhomx dritt jesprimu fehemthom? M’għandux ikollhom dritt jitolbu kjarifiki?

Jekk kien hemm talba biex tkun konfermata jew le l-fiduċja fit-tmexxija tal-MAM, fuq liema kriterju kien deċiż li min għamel it-talba ma jingħatax l-opportunità jispjega u jsostni l-argumenti li fuqhom kien ibbaża t-talba? Fuq liema kriterju ġie deċiż li jkun l-Eżekuttiv innifsu li jivvota u jiddeċiedi fuq tali talba?

Sitwazzjoni li tikkuntrasta mhux ftit mal-pretensjonijiet li l-MAM, ġustifikati jew le, tippretendi li tesprimi waqt li tkun qed titratta dwar xi tilwima industrijali li tkun waslet għaliha.

Din demokrazija fjakka. Ħutna l-Għawdxin jsejħulha demokrazija tal-aħħar grad.

Il-BOV u l-anzjani Furjaniżi

Fil-ħarġa tat-12 ta’ Jannar li għadda kont ktibt dwar is-sabiħ tal-volontarjat u ġibt bħala eżempju l-ħidma li ssir mill-Għaqda Furjaniża tal-Anzjani, Floriana Senior Citizens, b’risq l-anzjani Furjaniżi. Kont irreferejt għal problema li nħolqot għall-anzjani Furjaniżi bid-deċiżjoni tal-Bank of Valletta (BOV) li jagħlaq l-fergħa tiegħu fil-Floriana u jħalli biss ATM. L-Għaqda Furjaniża insistiet li min-naħa tal-BOV issir laqgħa mal-anzjani Furjaniżi biex jisimgħu d-diffikultajiet li qegħdin jiltaqgħu magħhom. Ġejt infurmat li grazzi għall-perseveranza li wriet l-Għaqda tal-Anzjani Furjaniżi l-BOV laqa’ t-talba tal-Għaqda Furjaniża u issa ġiet ukoll iffissata data għal din il-laqgħa.

Prosit lil kull min kien involut u wieħed issa jistenna li l-anzjani Furjaniżi milqutin, 67, jagħmlu l-almu tagħhom u jattendu. Min-naħa l-oħra konvint li jekk hemm rieda min-naħa tal-BOV allura xi forma ta’ soluzzjoni tinstab. Forsi jkun tajjeb li t-tmexxija tal-BOV tpoġġi lilha nnifisha fiż-żarbun tal-anzjani Furjaniżi. Ma naħsibx li jinħoloq urugan fil-profitti tal-BOV kieku kellu jingħata servizz aħjar lil dawn l-anzjani.

Jum il-Kandlora

Illum Jum il-Kandlora. Meta konna kolonja Ingliża, u rajna ma kienx f’idejna, bħal-lum l-Arċiprieti u l-Kappillani ta’ Malta u Għawdex, kienu jmorru għand il-Gvernatur Ingliż u jippreżentawlu xemgħa. Min-naħa tiegħu l-Gvernatur Ingliż kien jagħmel diskors li matulu jgħid x’kien se jkun il-programm tal-Gvern għal dik is-sena.

Kienu żminijiet li matulhom kull xahar kienu jitilqu minn Malta mijiet ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin, primarjament irġiel, biex ifittxu futur aħjar b]all-Awsralja, l-Amerika u l-Kanada, għax Malta kienet mifnija mill-għaks. Saħansitra darba kellna Gvernatur li kien qalilna li ‘emigration is Malta’s safety valve’. Tant kienet importanti l-emigrazzjoni li saħansitra kellna Ministeru għall-Emigrazzjoni. Kien jingħata sussidju qawwi biex int tparpar minn Malta u jekk ifettillek tiġi lura f’inqas minn sentejn kien ikollok tħallas il-‘full passage’ li għall-Awstralja kien ifisser 30 ġurnata baħar fl-istiva t’isfel tal-vapur. Rari kont issib familja li ma kellha lil ħadd imsiefer. Żmien meta kull familja kienet tkun iffurmata minn mill-inqas tmien ulied apparti ovvjament il-ġenituri.

Illum l-istorja inbidlet totalment. Illum qegħdin ingergru għax għandna ħafna ħaddiema barranin. Tant hawn xogħol, xogħol li jiġri wara l-ħaddiema u mhux l-oppost, li jekk ma jkunux il-barranin niġġamjaw. Fil-jiem li għaddew żort qarib tal-familja San Vinċenz. Kien ftit wara l-ħamsa ta’ filgħaxija. Stħajjiltni dħalt f’villaġġ Indjan. Għajr ir-residenti u kultant tiltaqa’ ma’ xi infermier, ma rajtx Maltin.

Tgħaġġilx, tgħaġġilx tiġġudukani! Qed ngħid dan bl-akbar rispett għax li ma kienux huma ma nafx x’jiġri. Apparti li nnotajt li mar-residenti u mal-viżitaturi l-maġġoranza ta’ dawn il-ħaddiema li ltqajt magħhom tkellmu bil-Malti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport