Sunday, December 22, 2024

Dun Krystof Buttigieg u Dun Edward Vella se jibdew imexxu żewġ parroċċi f’Għawdex

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem, id-Djoċesi ta’ Għawdex ħabbret b’mod uffiċjali numru ta’ ħatriet fosthom Arċipriet ġdid għan-Nadur u Kapillan għal Għasri.

Fost il-komunitajiet Għawdxin dawn il-ħatriet ilhom magħrufa sew, iżda kif inhi t-tradizzjoni, id-Djoċesi ta’ Għawdex tħabbar dawn b’mod uffiċjali wara l-festa ta’ Santa Marija.

Fi stqarrija l-Uffiċċju Veskovili ta’ Għawdex ħabbar li Dun Krystof Buttigieg mill-Qala Għawdex se jservi ta’ Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur, dan filwaqt li Dun Edward Vella mill-Għarb se jkun il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Kristu Ewkaristiku Salvatur, l-Għasri.

Intant, Dun Geoffrey Attard jinħatar bħala Kollaboratur fil-kura pastorali tad-Dar tal-Anzjani San Ġużepp, Għajnsielem; lil Dun Giovanni Curmi jservi ta’ Segretarju tal-Viżta Pastorali matul is-sena li ġejja; lil Mons. Giovanni Cremona bħala Rettur tal-Kappella tal-Lunzjata, limiti tal-Belt Victoria, lil-Kanoniku Michael Mifsud bħala Kollaboratur fil-Parroċċa ta’ San Lawrenz, f’San Lawrenz; Lil Dun Joe Said, bħala Kappillan fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u Rettur tal-Komunità ta’ Ġesù Nazzarenu, fix-Xagħra, lil Mons. Jimmy Xerri, bħala Delegat tal-Isqof għad-Djakonija; u lil-Kan. Michael Xuereb, bħala Delegat tal-Isqof għall-Persuni tat-Terza età.

Dan filwaqt li l-Patrijiet tal-Komunità Agostinjana u tal-Komunità Franġiskana Kappuċċina se jkollhom f’idejhom l-għajnuna fil-kura pastorali tad-Dar tal-Anzjani San Ġużepp, Għajnsielem.

Dawn il-ħatriet jidħlu fis-seħħ is-Sibt, 14 ta’ Settembru li ġej nhar il-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes, u għalhekk hu mistenni li l-pussess tal-Arċipriet tan-Nadur u l-Kappillan tal-Għasir jsiru wara din id-data.

Ekonomija

Sport