Kien 141 sena ilu meta Karmni Grima, mara mill-Għarb semgħet vuċi ġejja mill-inkwadru tal-Madonna Ta’ Pinu fejn qaltilha “ejja, ejja… Għid tliet Ave Maria ad unur li ġismi għamel fil-qabar”. Karmni Grima meta seħħet din il-ġrajja kellha 45 sena.
Jingħad li l-Madonna qalet lil Karmni Grima biex tmur titlob ftit qabel tibqa’ sejra lejn id-dar minħabba li se ddum sena sħiħa ma terġa’ tirritorna fil-kappella. Fil-fatt wara dan l-episodju Karmni Grima jingħad li damet sena sħiħa marid u ma setgħetx toħroġ mid-dar.
F’Għawdex ġriet l-aħbar li kienet “tkellmet” il-Madonna ta’ Pinu u mill-ewwel eluf kbar ta’ persuni bdew imorru bil-mixi lejn il-post fejn jingħad li l-Madonna taqla’ ħafna grazzji. Id-devozjoni lejn il-Madonna Ta’ Pinu baqgħet tikber sena wara oħra.
Ta’ min jgħid li Papa Ġwanni Pawlu II kien insista mal-organizzaturi fl-ewwel żjara tiegħu li ried imur fis-Santwarju ta’ Ta’ Pinu biex jitlob quddiem l-inkwadru merakoluż. Papa Franġisku fiż-żjara tiegħu wkoll żar is-Santwarju.
Bħal lum eluf kbar ta’ Għawdxin u anke Maltin jagħmlu żjara fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu li jdum miftuħ sa tard billejl.