Żewġ Maltin u żewġ barranin inqabdu mid-Dwana waqt li kienu se jitilqu mill-ajruport internazzjonali ta’ Malta bi flus kontanti mhux dikjarati, li bejniethom ilaħħqu t-total ta’ €71,375.
Wieħed mill-Maltin li kien sejjer Dubaj inqabad bi €33,200, waqt li kien qed jiġ mistoqsi jekk għandux xi flus x’jiddikjara. Huwa qal li kellu biss €10,000, iżda l-kelb tad-Dwana Gypsy beda jagħmel sinjali li l-passiġġier għandu iktar flus minn dak l-ammont. Minn tfittxija li saret fil-fatt irriżulta li kien qed iġorr €18,200 fuqu u €15,000 ġol-bagalji li diġà kienet għaddiet miċ-check-in. Huwa ġie arrestat mill-Pulizija.
Waqt tfittxijiet oħra ta’ rutina, Malti ieħor inqabad bi €17,400 fi triqtu lejn it-Turkija, passiġġier Olandiż inqabad b’€10,345 fi triqtu lejn pajjiżu, waqt li l-kelb tad-Dwana Charlie kixef passiġġier Sirjan li kellu €10,430 waqt li kien se jaqbad titjira lejn l-Iraq.
Il-passiġġiera ġew offruti ftehim barra l-Qorti li qablu miegħu u ġew immultati rispettivament.