Monday, December 23, 2024

Farsons Group iħabbar riżultati interim b’saħħithom

Aqra wkoll

27 ta’ Settembru 2023 – Il-Bord tad-Diretturi ta’ Simonds Farsons Cisk plc ħabbar ir-riżultati interim għas-sitt xhur li għalqu fil-31 ta’ Lulju 2023. Matul dan il-perjodu, il-Grupp Farsons irreġistra tkabbir fil-fatturat fis-setturi kollha tan-negozju tiegħu u żieda moderata fil-profitabbiltà. Dan kien possibbli hekk kif il-Grupp irreaġixxa b’mod proattiv għax-xenarju ekonomiku prevalenti li jaffettwa l-operazzjonijiet tiegħu, inklużi pressjonijiet inflazzjonarji u suq tax-xogħol strett.

Il-Grupp irreġistra żieda ta’ 13.8% fil-fatturat li ammonta għal €65.2 miljun fil-perjodu ta’ sitt xhur. Il-profitt qabel it-taxxa għall-perjodu taħt reviżjoni ammonta għal €8.1 miljun meta mqabbel ma’ €7.8 miljun fil-perjodu korrispondenti fl-2022.

Il-prestazzjoni kummerċjali ta’ Farsons Group kienet ikkaratterizzata minn domanda partikolarment qawwija għall-prodotti tal-Grupp, li hija parzjalment riflessjoni tat-trajettorja ta’ rkupru tas-settur tat-turiżmu. Madankollu, il-Grupp kellu jiffaċċja kompressjoni tal-marġini, riżultat tal-impatt taż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni, suq tax-xogħol strett u inflazzjoni tal-pagi, kif ukoll pressjonijiet tal-għoli tal-ħajja fuq il-baġits domestici. Il-qligħ sehem b’sehem attribwibbli lill-azzjonisti tjieb b’7% minn €0.195 fl-ewwel nofs tas-sena finanzjarja 2023 għal €0.209 għall-perjodu attwali ta’ sitt xhur.

F’kumment dwar il-prestazzjoni tal-Grupp, il-Kap Eżekuttiv Norman Aquilina qal: “Il-maniġment ilu jiffoka b’mod intens fuq il-konteniment tal-ispejjeż billi jtejjeb l-effiċjenzi operazzjonali f’diversi setturi u jevita li ż-żidiet kollha jgħaddu lill-konsumatur. Ilna wkoll nirrispondu b’mod proattiv għat-talbiet tas-suq billi nantiċipaw u nallinjaw mal-preferenzi tal-konsumatur li dejjem jinbidlu. Il-kompressjoni tal-marġini hija mistennija li tibqa’ sfida u realtà tas-suq matul il-bqija tas-sena finanzjarja u lil hinn, iżda aħna impenjati b’mod attiv fl-għan li ntejbu l-marġini tagħna.”

Mil-lat tal-investiment, il-Grupp Farsons iċċelebra tragward sinifikanti f’Ġunju 2023 bl-inawgurazzjoni tal-proġett tar-restawr tal-Farsons Old Brewhouse, fejn il-ħwienet tal-ikel u x-xorb issa huma kollha miftuħa għan-negozju u l-patroċinju tagħhom qiegħed dejjem jikber. Il-Grupp qed jiffoka l-attenzjoni tiegħu fuq linji oħra ta’ tkabbir, bħat-titjib tal-kapaċitajiet loġistiċi tiegħu biex jissodisfa t-talbiet li dejjem jikbru fis-settur tax-xorb. Barra minn hekk, il-Grupp ta bidu wkoll għall-proċess ta’ ppjanar għal investiment sinifikanti fis-settur tal-Ikel biex jiġu żviluppati faċilitajiet tal-ħażna, uffiċċji, u ċentru tal-loġistika avvanzat f’sit f’Ħal Qormi li diġà jifforma parti mill-portafoll tal-Grupp.

Filwaqt li afferma l-impenn tal-Grupp għall-investimenti futuri, iċ-Chairman tal-Grupp Farsons Louis A. Farrugia żied jgħid: “Il-Bord tad-Diretturi, flimkien mat-tim maniġerjali, jibqa’ ffukat fuq it-titjib tal-adattabilità u l-aġilità tiegħu biex iwieġeb għall-isfidi attwali ekonomiċi u tas-suq, hekk kif jimmira għal aktar tkabbir. Wara r-riżultati miksuba fis-sitt xhur taħt reviżjoni, il-prospetti tagħna jibqgħu kawti iżda ottimisti għall-bqija tas-sena finanzjarja kurrenti. Fid-dawl tal-prestazzjoni ġenerali tal-Grupp, il-Bord tad-Diretturi iddeċieda li jiddikjara dividend interim ta’ 5c0 għal kull sehem ordinarju meta mqabbel mad-dividend interim ta’ 4c5 tas-sena preċedenti.”

Ekonomija

Sport