Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri żar ix-xogħlijiet li qed isiru fiċ-Ċentru ta’ Innovazzjoni Diġitali (DiHubMT), li se jkun qed jiġi inawgurat sal-aħħar ta’ din is-sena.
L-għan ta’ dan iċ-Ċentru, li se jkun ibbażat ġewwa faċilità ta’ 550 metru kwadru fil-binja tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, l-MDIA, hu li jinħoloq spazju għal startups u scale-ups fejn isibu kull ma’ għandhom bżonn fil-vjaġġ tagħhom. Fost dawn hemm l-ispazju fejn jistgħu jiżviluppaw il-prodotti tagħhom, l-aċċess għall-expertise relevanti, kif ukoll għodda li tant hija bżonnjuża fosthom High Performace Computer li permezz tiegħu r-riċerka issir f’perjodu ferm iqsar.
llum il-ġurnata studenti jew kumpaniji li jkollhom bżonn jagħmlu użu minn High Performance Computer qed ikollhom imorru barra minn Malta bi spejjeż konsiderevoli. Hekk kif jibda jopera dan il-High Performance Computer, li mistenni jasal f’pajjiżna s-sena d-dieħla, mhux biss se se tkun żdiedet l-attrazzjoni ta’ pajjiżna għall-investiment ta’ kwalità, iżda ħa jonqsu iktar piżijiet u skariġġ lir-riċerkaturi u l-kumpaniji.
Iċ-ċentru huwa parti minn network Ewropew li jimmira biex imexxi t-tkabbir ekonomiku permezz tat-trasformazzjoni diġitali. Din il-faċilità hija mgħammra b’teknoloġiji avvanzati biex jgħinu lill-kumpaniji jiżviluppaw prodotti viabbli.
“Il-bidu għal kull tip ta’ negozju huwa diffiċli. Negozji fil-qasam tal-innovazzjoni diġitali; AI, VR, AR, Blockchain, 3D printing, drones IoT u oħrajn hija aktar diffiċli minħabba l-ammont ta’ spejjeż fl-għodda neċessarja f’dawn l-indusriji. Bid-DiHubMT se nkunu qegħdin niffaċilitaw dan kollu. F’din il-faċilità li se tkun miftuħa aktar tard din is-sena, start-ups u scale ups f’dan is-settur se jkollhom dak kollu li għandhom bżonn biex joperaw taħt saqaf wieħed. M’aħniex biss qed noffru spazju minn fejn jaħdmu, iżda wkoll laboratorju IoT, laboratorju għall-3D printing u high performance computer fost servizzi oħra,” qal il-Ministru Silvio Schembri, waqt li żar ix-xogħlijiet li jinsabu fi stadju avvanzat.
DiHubMT huwa parti waħda minn ħolqa ta’ inizjattivi minn entitajiet varji f’pajjiżna fosthom l-MDIA, Gaming Malta u l-Malta Enterprise sabiex jiġi attirat lejn pajjiżna investiment ta’ kwalità li jrendi pagi tajbin bl-inqas impatt ambjentali possibbli.
Il-Ministru Silvio Schembri kien akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv, tal-MDIA, is-Sur Kenneth Brincat u s-Sur Bernard Montebello, il-Kap ta’ DiHubMT.