Saturday, December 21, 2024

“Fid-dmir tiegħi li nara li t-taxxi kollha li l-Gvern irid jiġbor, jinġabru” – Il-Ministru Clyde Caruana

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Dak li l-Gvern għandu jiġbor, irid jiġbru. Huwa fid-dmir tiegħi li nara li t-taxxi kollha li l-Gvern irid jiġbor, jinġabru għax fl-aħħar mill-aħħar huwa b’dawk il-flus li nagħmlu tajjeb għal kull servizz mogħti lill-poplu Malti u Għawdxi.”

Iddikjara dan il-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana waqt li fil-Parlament kienet qiegħda tiġi diskussa mozzjoni tal-Oppożizzjoni li tħassar u tirrevoka r-Regoli tal-2021 dwar eżenzjoni mit-taxxa fuq trasferimenti ta’ proprjetà (tpaċija ta’ arretrati ta’ taxxa). 

Il-Ministru Caruana beda biex qal li l-ammont ta’ flus li l-Gvern akkumula f’arretrati matul is-snin kien ta’ iktar minn €5 biljun. Qal li: “bdejt nara x’nista’ nagħmel biex anke fi żmien ta’ pandemija nsib metodi innovattivi ta’ kif il-Gvern jista’ jiġbor xi ħaġa ħalli jagħmel tajjeb għall-ispiża tiegħu.”

Qal li għalkemm il-miżura mħabbra mill-Gvern dwar eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferiment ta’ proprjetà mmobbli għal min għandu arretrati ta’ taxxa kienu ħafna li saqsew fuqha, sal-lum iżda ħadd ma resaq ‘il quddiem biex jagħmel użu minnha.

Huwa kompla billi qal li f’dan il-pajjiż hemm bżonn ta’ ċertu maturità politika. “Qegħdin fiex qegħdin għaliex maż-żmien min kellu jħallas ma saritx biżżejjed pressjoni fuqu jew min kellu jħallas, għafas fejn kellu jagħfas sabiex ma jiġi magħfus fil-ħlas li għandu jagħti.”

“Naħseb li wasal iż-żmien li f’dan il-pajjiż, jekk irridu tabilħaqq li jkollna pajjiż li jirrispekkja pajjiżi oħra Ewropej, illi jkun hemm distinzjoni netta u ċara bejn min qiegħed fin-negozju, il-politika u l-partiti politiċi,” qal il-Ministru Caruana. 

Huwa tkellem ukoll dwar it-triq ‘il quddiem. “Naħseb li dan il-pajjiż dejjem jixraqlu l-aħjar. Nitkellmu ħafna però rridu naslu f’punt fejn jibdew jitwettqu l-azzjonijiet. Ilna sena għaddejjin inħarsu lejn kif il-ġbir tat-taxxi f’pajjiżna sejjer jitjieb. Ma jistax ikun li jkollok sitwazzjoni fejn f’sena partikolari, fejn l-aktar negozju jkun sejjer tajjeb, il-maġġoranza jiddikjaraw li għamlu telf jew break-even.”

“Irid ikollna l-aqwa u l-aħjar effiċjenza fil-ġbir tat-taxxi”

Hawn għamilha ċara li fiż-żmien li jdum bħala Ministru tal-Finanzi se jara li jkun hemm bidla fil-kultura. Qal li bħalma ċ-ċittadini ta’ din il-pajjiż jistennew i l-Gvern joffri l-aħjar edukazzjoni, sistema ta’ saħħa, ikollna l-aħjar infrastruttura però jrid ikun hemm ukoll l-aqwa u l-aħjar effiċjenza fil-ġbir tat-taxxi.

“Jiena qatt ma nista’ nkun kontra n-negozju. Ma tarax. Imma nitkellem kontra l-abbuż u kontra min bi dritt jaħseb li l-flus tal-poplu qegħdin hemm sabiex jużahom hu b’mod personali sabiex ikompli jkabbar l-assi tiegħu. Dik l-attitudni trid tieqaf. Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk f’dan il-pajjiż,” saħaq il-Ministru Caruana. 

Huwa tenna li dak li sar, minkejja li ma ġie ħadd biex ibigħ il-proprjetà tiegħu, xorta l-flus b’xi mod jinġabru. Qal li b’kollox f’dak li għandu x’jaqsam il-VAT sal-aħħar tas-sena kien hemm €354 miljun VAT illi ġew differiti. Minn dawn tħallsu €302 miljun u baqa’ x’jinġabru €52 miljun. F’dak li għandu jaqsam income tax tal-kumpaniji kien hemm differiti €194 mijun. Minnhom baqa’ x’jinġabru €74 miljun.

“Baqa’ iktar x’niġbru u se nagħmel l-almu tiegħi biex niġbru dak li għandna niġbru. Fix-xhur u s-snin li ġejjin se nara li d-Dipartiment tat-Taxxa f’pajjiżna jsir fost l-aktar dipatimenti moderni li dan il-pajjiż għandu. Mhux biss ninvestu fir-riżors uman imma wkoll fit-teknoloġija u t-tax compliance unit,” tenna l-Ministru Caruana. 

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Mario De Marco qal li l-Oppożizzjoni temmen li kwalunkwe sistema ta’ taxxa għandha tkun ġusta, trasparenti, oġġettiva u li ma tiddiskriminax bejn tax-payer u ieħor. 

Qal ukoll li filwaqt li li l-Oppożizzjoni tifhem id-dmir u r-responsabbiltà ta’ kull Gvern li jiġbor it-taxxi inkluż l-arretrati ta’ taxxi, kull inċentiv sabiex tinġabar it-taxxa m’għandha qatt tkun diskriminatorja.

Fi tmiem id-diskussjoni ttieħed il-vot dwar il-mozzjoni, bl-Ispeaker jiddeċiedi li m’għaddietx minkejja battibekk li nqala’ dwar il-proċedura stabbilita.

Ekonomija

Sport