Saturday, October 26, 2024

Fl-2019 il-Caritas tat servizz lil madwar 40 adoloxxent bil-problema tad-droga

Aqra wkoll

Minn Claudio Coleiro

Is-sena li għaddiet resqu lejn il-Caritas madwar 750 persuna bi problema ta’ abbuż tad-droga, b’40 minnhom ikunu adoloxxenti li fittxew is-servizzi tagħhom minħabba li għal xi raġuni jkunu waqgħu fil-vizzju tad-droga. 

Iddikjara dan id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt meta mistoqsi minna dwar is-sitwazzjoni tad-droga fost it-tfal u l-adoloxxenti (taħt it-18-il sena). 

Huwa spjega li l-aktar droga komuni f’din il-faxxa ta’ età hija l-kannabis u anke dik sintetika, b’dan però l-Caritas tħares mhux biss lejn is-sustanza imma x’ikun qed iwassal lill-individwu biex jieħu d-droga.

“Jista’ jkollok adoloxxent li jkun għamel esperiment u baqa’ għaddej bil-ħajja tiegħu pero’ jkollna dawk li jkunu qed ifittxu d-droga bħala żvog jew biex ifejqu dwejjaq jew vojt li jkunu qed jesperjenzaw fil-ħajja tagħhom minħabba raġunijiet varji,” tenna Dr Gatt.

Biex tkun indirizzata din il-problema, bħalissa qed jinbena ċentru terapewtiku għall-adoloxxenti bil-problema tad-droga f’Ta’ Kandja, proġett li qed isir bi sħubija bejn il-Gvern u l-Caritas, b’investiment ta’ €3.3 miljun.

Ix-xogħol fuq dan il-proġett miexi b’ritmu mgħaġġel u mistenni jkun lest u jibda jiffunzjona sa nofs is-sena d-dieħla. Dan iċ-ċentru ta’ rijabilitazzjoni se jilqa’ fih madwar 14-il persuna matul il-ġurnata, kemm ġuvintur kif ukoll tfajliet. 

Iċ-ċentru bl-isem “Tal-Ibwar” se jkun mgħammar bl-aqwa faċilitajiet sportivi flimkien ma’ spazji miftuħa u rikreattivi biex jiffaċilitaw it-triq tar-rijabilitazzjoni. 

Ix-xogħol relatat mal-bini huwa kważi lest u bdew ukoll il-finishings. Dan filwaqt li l-ground tal-football u l-ġnien li se jservi bħala terapija huma lesti, bix-xogħol ta’ landscaping jinsab fi stadju avvanzat.

Fil-kummenti li kien għaddielna l-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, qal li għal żmien twil inħass il-bżonn li jkollna binja speċjalizzata għall-adoloxxenti u ż-żġħażagħ li għal xi raġuni jkunu waqgħu fil-vizzju tad-droga. 

Huwa żied jgħid li kellna “lakuna” fejn tidħol rijabilitazzjoni tad-droga fejn jidħlu minuri, ġuvintur u tfajliet, taħt it-18-il sena, u dan iċ-ċentru se jkun qiegħed jinbena proprju għal dan il-għan.

“Faċilità bħal din ma kellniex f’pajjiżna. Huwa pjaċir tagħna bħala Gvern li flimkien mal-Caritas ikollna din il-faċilità li hi ta’ livell għoli ħafna,” tenna l-Ministru Falzon. 

Sport