Ġermaniż ta’ 27 sena residenti n-Nadur, Għawdex, tressaq fil-Qorti t’Għawdex fejn ammetta li kkoltiva l-pjanta kannabis, liema koltivazzjoni saret f’tali ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.
Muhammed Sueheyl Guendogdu wieġeb ħati wkoll li fil-31 ta’ Marzu li għadda, u fil-ġimgħat u x-xhur ta’ qabel, biegħ jew ittraffika l-pjanta kannabis u li kellu fil-pussess tiegħu l-imsemmija droga.
Fil-Qorti, l-Ispettur Mario Xiberras spjega li nhar is-27 ta’ Marzu li għadda, il-Pulizija kienet irċeviet informazzjoni kunfidenzjali li l-akkużat allegatament kien qiegħed ikabbar il-kannabis fin-Nadur. Mill-investigazzjoni li saret, irriżulta li Guendogde kellu żewġ profili fuq il-midja soċjali li kien jagħmel użu minnhom hu personali.
Intqal li f’wieħed mill-profili fuq il-midja soċjali kien hemm xi ritratti li kienu juru l-imsemmija kannabis. Qal li minn aktar analiżi li saret ġie nnutat li fil-kamra fejn kienet qed tiġi kkultivata l-kannabis kien hemm affarijiet relatati ma’ Malta, fosthom il-labar tal-inxir li huma simili ħafna għal dawk li jintużaw f’pajjiżna. L-Ispettur qal li l-ħitan tal-kamra kienu jidhru li dawn ir-ritratti ttieħdu xi mkien f’post f’pajjiżna.
L-Ispettur kompla jgħid li talab mandat ta’ arrest mill-Maġistrat tal-Għassa u fil-31 ta’ Marzu li għadda – għall-ħabta tas-6.15 a.m. twettqet l-operazzjoni fuq il-post fejn kien hemm suspett li kien hemm il-kannabis. Qal li kien hu stess li arresta lill-Ġermaniż filwaqt li waqt l-arrest spjegalu d-drittijiet kollha tiegħu.
Wara hu ttieħed l-Għassa tar-Rabat, Għawdex, fejn beda jiġi interrogat u ta stqarrija lill-pulizija fil-preżenza tal-avukat tiegħu.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali Dr Nadine Stivala qalet li mhux se tkun qiegħda tikkontesta l-arrest tal-akkużat.
Wara li ġew ippreżentati diversi dokumenti fil-Qorti, fosthom ritratti tal-profili tiegħu fuq il-midja soċjali u anke l-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-appartament tal-akkużat, il-Qorti staqsiet lil Guendogde xi jwieġeb għall-akkużi. B’rasu baxxuta, Guendogde wieġeb mill-ewwel ħati tal-akkużi kollha. Hu qal li jaħdem bħala compliance agent ma’ kumpanija Maltija u kkonferma li kien hu li jgħix fl-appartament li fiha nstabet il-kannabis.
Il-Maġistrat Simone Grech, li quddiemha tressaq Guendogde, wissietu li bl-ammissjoni tiegħu jista’ jeħel priġunerija effettiva u anke multa. Kien hawn li l-Qorti tat ċans lill-akkużat biex joħroġ barra mill-Awla sabiex flimkien mal-Avukat Stivala jerġa’ jikkonsidra l-ammissjoni tiegħu.
Hekk kif kompliet is-seduta u l-akkużat reġa’ ddaħħal fl-awla, ġie mistoqsi mill-Qorti jekk kellux ħin biżżejjed biex jikkunsidra l-ammissjoni, filwaqt li Guendogde reġa’ wieġeb “iva”.
L-Avukat Difensur għamlet talba biex sakemm tingħata s-sentenza, huwa jingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest. Din it-talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni minħabba li qalet hemm biża’ ċar li l-akkużat jaħrab mill-pajjiż hekk kif m’għandux rabiet sodi ma’ Malta. Qalet ukoll li l-appartament fejn kien jgħix l-akkużat hu ssiġillat mill-pulizija hekk kif bħalissa għaddejja inkjesta Maġisterjali dwar dan il-każ.
Id-difiża rribattiet għall-argumenti tal-prosekuzzjoni u qalet li l-akkużat għandu xogħol fiss u ilu jaħdem f’pajjiżna kif ukoll jekk mhux se jkun jista’ jgħix fl-appartament tiegħu, jista’ jmur jgħix ma’ xi ħbieb li għandu f’pajjiżna.
Talba oħra li saret mid-difiża kienet li Guendogde jibda b’mod immedjat jingħata għajnuna psikoloġika minħabba diversi kundizzjonijiet li jbati bihom l-akkużat. Dr Stivala qalet li hu kien jieħu l-kannabis bħala kura medika fosthom biex itaffi l-kundizzjoni tal-ADHD. Għal din it-talba l-Prosekuzzjoni qalet li mhi qiegħda ssib l-ebda oġġezzjoni.
Il-Qorti wara li semgħet liż-żewġ naħat ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li Guendogde jibqa’ jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin filwaqt li rrakomandat lid-Direttur tal-Ħabs biex jagħti l-kura kollha meħtieġa lill-akkużat.
Il-Prosekuzzjoni qalet li qabel tingħata s-sentenza tixtieq li tressaq aktar provi u din it-talba ma sebet l-ebda oġġezzjoni tad-difiża.
Kien għalhekk li l-Maġistrat Simone Grech iddeferiet il-kawża għall-14 ta’ April fejn il-Prosekuzzjoni mistenni li tressaq il-provi kollha u l-akkużat jingħata s-sentenza.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Mario Xiberras flimkien mal-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat dehret l-Avukat tal-Għajnuna Legali Dr Nadine Stivala.