Saturday, December 21, 2024

Għall-ewwel darba l-MCESD se jkollu Kap Eżekuttiv

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għall-ewwel darba, il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) se jkollu Kap Eżekuttiv. Dan l-irwol huwa essenzjali sabiex il-parti amministrattiva ta’ organizzazzjoni speċjalment entità bħal dik tal-MCESD jkollha persuna fit-tmun tagħha li tiffaċilita l-istrateġija u d-direzzjoni li tingħatalha. Din il-proposta ġiet milqugħa mill-Gvern u fil-ġranet li ġejjin se jitressaq Abbozz ta’ Liġi quddiem il-Parlament sabiex isiru t-tibdiliet meħtieġa. 

Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema “Pajjiż ta’ Kwalità” li fiha ngħataw dettalji dwar inizjattivi ġodda li huma immirati li jsaħħu d-djalogu soċjali. Miżuri li se jkunu qegħdin isaħħu l-MCESD, jingħata aktar sostenn lill-imsieħba soċjali, jissaħħaħ il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika u jingħata leħen b’saħħtu liċ-ċittadin.

Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Ellul ħabbar ukoll li deċiżjoni oħra li se tkun qed issaħħaħ il-funzjoni tal-Kunsill hija t-twaqqif ta’ unit ta’ riċerka u dan bil-għan li jkun ta’ sostenn għall-imsieħba soċjali. Dan mhux se jfisser biss żieda fil-kapaċità ammistrattiva imma sinjal ta’ serjetà u impenn. Rwol li se jservi ta’ spalla għaċ-Ċerpersin tal-Kunsill u l-istaff tiegħu. 

Minbarra t-twaqqif ta’ dan il-unit ta’ riċerka se jkun hemm ukoll it-twaqqif tal-Young Shapers Forum, li ser ikun magħmul minn żgħażagħ ta’ bejn il-11 u l-15-il sena li se jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom dwar suġġetti u temi li se jkunu diskussi fl-MCESD. Dan se jkun qed isir bl-għajnuna tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal li se jkun qiegħed jispjega t-temi lil dawn iż-żgħażagħ, u sussegwentement huma jsemmgħu leħinhom dwar dak li jkun ġie spjegat lilhom. Dan huwa pass importanti għaliex ser inkunu qegħdin nagħtu vuċi b’saħħitha liż-żagħżagħ tagħna biex joffru l-fehmiet tagħhom dwar kif jixtiequ li pajjiżna jkun fil-futur.

“L-introduzzjoni tal-Young Shapers Forum hi waħda b’saħħitha u kuraġġuża biex jinfetaħ id-djalogu b’mod aktar wiesgħa u tanġibbli għal kulħadd. Qed nagħtu opportunità liż-żgħażagħ fejn mhux biss iħossuhom parteċipi imma jkunu qed jagħtu kontribut. Huma se jkunu f’pożizzjoni li jitkellmu dwar il-pajjiż li jixtiequ jaraw fil-futur,” tenna s-Segretarju Parlamentari Ellul. 

Barra minn hekk, huwa ħabbar li fiż-żmien li ġej, sabiex jissaħħaħ il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika f’pajjiżna u biex jagħtu aktar appoġġ lill-imsieħba soċjali, se titwaqqaf struttura governattiva ġdida fi ħdan is-servizz pubbliku. 

Din l-istruttura se tkun iddedikata għal ġbir ta’ għarfien f’suġġetti li jkunu qed jiġu diskussi speċjalment fuq livell Ewropew u li jolqtu direttament lill-ħaddiema, lil min iħaddem u lill-imsieħba soċjali. Għal dan il-għan, din l-entità se taħdem mill-qrib ukoll mal-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta fejn jidħlu materji ta’ natura Ewropea. 

“Dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu bil-għan li d-djalogu soċjali verament jilħaq il-qofol tiegħu. Deċiżjonijiet li se jwasslu biex jipprovdu opportunità lil kulħadd jsemma leħnu. Dan huwa l-pajjiż li rridu ngħixu fih. Pajjiż li jisma’, li jagħti l-opportunità lil kulħadd u pajjiż ta’ kwalità mibni fuq djalogu soċjali b’saħħtu,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.

Ekonomija

Sport