Wednesday, April 24, 2024

Għandhom id-drittijiet ukoll

Aqra wkoll

Qed jintqalu ħafna kummenti u hawn perċezzjoni fost xi wħud  li dawk li jaħarbu minn pajjiżhom għal raġunijiet diversi u jkunu bla dokumenti m’għandhomx drittijiet fil-pajjiżi li jmorru fihom. Spiss nisimgħu min ideffes il-kelma ripatrijazzjoni jew deportazzjoni għal dawn il-persuni, li ħafna drabi pajjiżhom ma jkunx lest li jaċċettahom lura. Dan biex ma nsemmux li b’deportazzjonijiet hemm il-kwistjoni ta’ kif jiġu trattati dawk deportati meta jaslu f’pajjiżhom. Dan hu punt li ftit li xejn hu riċerkat.  Hu qasam ukoll li fih jista’ faċilment ikollna persuni li jispiċċaw abbużati meta jintbagħtu lejn pajjiżhom.

Mhu minnu xejn li dawn il-persuni bla dokumenti m’għandhomx drittijiet. Nemmnu fermament li kull bniedem għandu drittijiet bażiċi li jridu jiġu rispettati, irrispettivament għandu dokument jew le. Qabel il-kwistjoni tad-dokumenti u materji oħra, wieħed irid iżomm li hemm persuna umana. 

Konvenzjonijiet internazzjonali jistabbilixxu drittijiet għal saħħa, edukazzjoni u ugwaljanza għal migranti bla dokumenti. Konvenzjonijiet li Malta irratifikathom.

Is-seba’ Konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem flimkien mad-Dikjarazzjoni Universali għad-Drittijiet Umani jistabbilixxu diversi drittijiet għall-immigranti bla dokumenti. 

Jekk jieħdu d-Dikjarazzjoni Universali għad-Drittijiet tal-Bniedem naraw li din tistabbilixxi libertajiet u drittijiet fundamentali għan-nisa u l-irġiel kollha huma fejn huma.

Jekk inħarsu lejn Artiklu 2 naraw li dan jgħid ċar “kulħadd hu intitolat għad-drittijiet u l-libertajiet imniżżla f’din id-dikjarazzjoni bla ma ssir xi tip ta’ distinzjoni, la fuq razza, kulur, lingwa, relipjon, politika, opinjoni, oriġini soċjai, jew xi status ieħor”. 

Jekk nieħdu l-International Covenant on Economic, Social and Cultural Rights (ICESR), naraw li dan jistabbilixxi proviżjonijiet legali kemm ekonomiċi, soċjali u kulturali. Fost id-drittijiet li dan jistabbilixxi hemm dawk relatati mad-dritt tax-xogħol f’kundizzonijiet ġusti, protezzjoni soċjali,  livell ta’ għixien adekwat, standards għal saħħa fiżika u mentali u edukazzjoni fost oħrajn. 

L-ICESCR jagħmel riferenza ċara kontra d-diskriminazzjoni u jgħid li l-artikli kollha japplikaw bla diskriminazzjoni lejn xi razza, kulur, lingwa, reliġjon, politika jew l-istatus tal-persuna konċernata. 

L-ICESCR għandha riferenza importanti ħafna għad-drittijiet ta’ immigranti bla dokumenti.  Din tgħid ċar li “l-Istati huma obbligati li jirispettaw id-dritt għas-saħħa u għalhekk m’għandhomx jiċħdu jew jillimitaw aċċess ugwali għal persuni kollha fosthom priġunieri dawk fid-detenzjoni, minoritajiet, dawk i qed ifittxu ażil, immigranti irregolari f’dawk li huma servizzi għas-saħħa. 

Malta rratifikat l-ICESCR f’Diċembru tas-sena 1990.

Il-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) tgħid ċar u tond li migranti bla dokument għandhom dritt għal servizzi tas-saħħa, dritt għall-edukazzjoni, ugwaljanza fil-qrati, ħajja, dritt li ma jkunux torturati.

Il-European Social Charter, fost affarijiet oħra jispeċifika id-dritt għal akkomodazzjoni adekwata għall- migranti bla dokumenti. 

Nemmnu u ngħidu dan bla tlaqlieq li rridu naraw li dawn in-nies mhux biss ikollhom dawn id-drittijiet fuq il-karta, imma naraw li jkunu qegħdin igawdu minnhom u li ma jkun hemm ebda xkiel biex jingħataw dawn id-drittijiet.

Sport