Il-Ministeru għall-Ambjent u l-Enerġija, responsabbli wkoll mill-iżvilupp sostenibbli, nieda żewġ pjattaformi diġitali ġodda, waħda dwar l-ESG u l-oħra għall-Green Public Procurement (GPP). Iż-żewġ pjattaformi huma intiżi biex iħeġġu investimenti aktar sostenibbli, bil-għan li kemm is-settur pubbliku u anke dak privat jagħmlu l-parti tagħhom għall-ekonomija aktar ekoloġika u ġusta.
Waqt konferenza organizzata mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif il-pjattaforma l-ġdida tal-ESG tiffaċilita l-impenn tal-kumpaniji li jirrappurtaw il-kredenzjali tagħhom ambjentali, soċjali u ta’ governanza, magħrufa aħjar bħala ESGs.
“Sal-lum il-ġurnata għandna 46 kumpanija li qed jirrappurtaw il-kredenzjali tagħhom, b’mod volontarju. Qed naraw li b’din l-għodda diġitali aktar sempliċi u trasparenti nkomplu nħeġġu aktar kumpaniji jipparteċipaw. Fuq kollox, dan it-tip ta’ rappurtaġġ mhux biss iħeġġeġ operat aktar sostenibbli imma jagħmel il-kumpanija aktar attraenti għall-investiment,” qalet il-Ministru Dalli.
Il-Ministru Dalli enfasizzat kif din it-tnedija u dik tal-pjattaforma online l-ġdida tal-GPP jservu bħala pass importanti għall-Gvern biex ikompli jmexxi ’l quddiem bidla pożittiva fis-setturi kollha.
Matul dawn l-aħħar snin, il-pajjiż irreġistra progress kemm fir-rata ta’ konformità tal-GPP, li telgħet għal 87.5% fl-2024, kif ukoll fir-rappurtaġġ tal-ESG, fejn in-numru ta’ entitajiet li għażlu li jirrappurtaw il-kredenzjali tal-ESG tagħhom tela’ għal 46 mill-2021.
Permezz tal-Pjattaforma l-ġdida tal-ESG, li hija għodda volontarja, l-eżerċizzju ta’ rappurtaġġ tal-kredenzjali tal-ESG ser isir ħafna aktar faċli u sempliċi. L-entitajiet u l-kumpaniji ser ikollhom il-possibbiltà li jsegwu u jqabblu l-kredenzjali tal-ESG tagħhom matul is-snin, u jkunu jistgħu jevalwaw il-prestazzjoni tagħhom u jtejbu l-operat tagħhom sabiex jegħlbu l-isfidi.
Il-website tal-GPP, minbarra li ser tkun repożitorju għall-informazzjoni relatat mas-suġġett, ser isservi bħala pjattaforma li permezz tagħha persuni interessati jistgħu jistaqsu mistoqsijiet relatati dwar il-konformità tal-GPP jew dwar taħriġ offrut. Barra minn hekk it-taħriġ issa ser jiġi estiż għall-operaturi ekonomiċi biex dawn ikun aktar konformi mal-kriterji tal-GPP.
Matul l-attività, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) faħħret lil Malta tal-isforzi tagħha sabiex tassigura l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp sostenibbli. Ernesto Soria Morales, Senior Policy Officer fi ħdan l-istess organizzazzjoni, qal, “Bil-għan li tissaħħaħ aktar l-implimentazzjoni tal-SDGs f’Malta, bħala parti minn proġett ieħor tal-Kummissjoni Ewropea, l-OECD b’kollaborazzjoni mad-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli se tkun qed taħdem fuq kors ta’ taħriġ għall-uffiċjali pubbliċi biex jintegraw b’ mod effettiv l-SDGs fl-implimentazzjoni tal-politika u l-programmi.”
Id-Direttur tad-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli fi ħdan l-istess Ministeru, Francine Pace Caruana, qalet dan id-djalogu u l-pjattaformi diġitali mnedija huma kruċjali sabiex niksbu l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli. Kull individwu, kull organizzazzjoni, kull negozju, kull entità pubblika għandha x’tikkontribwixxi għal dan l-isforz kollettiv.
Iż-żewġ siti jikkontribwixxu għall-ekonomija aktar sostenibbli, parti mill-viżjoni ta’ pajjiżna għall-2050.
Il-pjattaformi diġitali huma aċċessibbli fuq: esgplatform.gov.mt u gpp.gov.mt.