Sunday, December 22, 2024

ĠIEĦ LIL MALTA FIL-FORA INTERNAZZJONALI

Marija Sara Vella – Kandidati tal-Partit Laburista għall-PE

Aqra wkoll

Tħossok tassew kburija meta tara kif isem pajjiżna jkun qed jingħata l-ogħla ġieħ fil-fora internazzjonali. Fl-aħħar ġimgħat u xhur kellna diversi okkażjonijiet meta rajna d-diplomazija ta’ pajjiżna twassal għal inizjattivi favur il-paċi fid-dinja u biex jissaħħaħ id-djalogu anke bejn pajjiżi li bħalissa ma jistgħux jaraw għajn b’għajn minħabba l-konflitti kbar li għandhom bejniethom.

L-ewwel kellna l-laqgħa tal-esperti dwar is-sigurta fuq il-qagħda fil-gwerra tal-Ukranja fejn nafu li matulha saru tentattivi biex jitfassal pjan ta’ waqfien mill-ġlied għal din il-gwerra li hekk kif konna ħerġin mill-pandemija reġgħet ħarbtet il-ħajja ta’ miljuni ta’ nies madwar id-dinja mhux biss bl-imwiet tal-mijiet fl-Ukranja stess imma anke bl-inflazzjoni kbira fil-prezzijiet ta’ oġġetti essenzjali minħabba li tħarbtu l-provisti ta’ ċereali u prodotti tal-enerġija mad-dinja kollha.

Għalkemm għadna l-bogħod minn soluzzjoni għal dan il-kunflitt, kuntatti bħal dawk li saru f’Malta żgur li jkunu ħallew xi forma ta’ impatt fuq it-tentattivi li jkunu għaddejjin biex tinstab soluzzjoni.

Wara dan l-avveniment nafu li faqqgħet il-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas fil-Lvant Nofsani u sa mill-bidu nett, Malta għamlet il-pożizzjoni tagħha ċara u bdiet taħdem qatigħ sabiex għall-inqas jinstabu soluzzjonijiet li ma jħallux li jkompli għaddej il-qtil ta’ eluf ta’ nies innoċenti fosthom eluf kbar ta’ tfal li ma jaħtu xejn għal dak li kien għaddej. Bis-saħħa tal-pożizzjoni tagħna fil-Kunsill tas-Sigurta tal-Ġnus Magħquda, success ieħor għad-diplomazija Maltija, irnexxielna li wara 6 ġimgħat ta’ gwerra bla ħniena, il-Kunsill kollu jivvota unanimament favur pawsiet ta’ waqfien mill-ġlied li matulhom titħalla tidħol l-għajnuna umanitarja lill-miljuni li qed isofru minn kull forma ta’ tbatija fl-Istrixxa ta’ Gaza.

Ngħidu b’wiċċna minn quddiem li bis-saħħa ta’ din l-ewwel riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurta tal-Ġnus Magħquda fuq inizjattiva ta’ Malta setgħu isiru l-kuntatti meħtieġa biex il-pawsiet fil-gwerra seħħew tassew, bdew jinħelsu l-ostaġġi mill-Hamas u priġunieri minn Iżrael u ddaħlet ħafna għajnuna umanitarja f’Gaza. Ninsab ċerta li Malta għadha taħdem bis-sħiħ biex tipprova tqarreb liż-żewġ naħat lejn ftehim ta’ waqfien mill-ġlied permanenti u esprima x-xewqa tiegħu kemm-il darba l-Prim Ministru Robert Abela.

Fl-aħħar jiem, id-diplomazija Maltija kisbet suċċess ieħor għal pajjiżna meta xejn inqas minn 57 pajjiż Ewropew qablu unanimament li Malta għas-sena l-ġdida tkun qed tmexxi l-Presidenza tal-OSCE, l-akbar organizazzjoni Ewropea li taħdem għall-Koperazzjoni u s-Sigurta fil-kontinent Ewropew. Wieħed irid ifakkar li din l-Organizazzjoni hija l-unika waħda li tiġbor daqstant pajjiżi Ewropej taħt saqaf wieħed u li fiha jista’ jsir djalogu dwar problemi ta’ sigurta, fosthom gwerra fil-qalba tal-Ewropa bħalma hija dik li tinsab għaddejja fl-Ukranja. B’Din id-deċiżjoni, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Malta, Ian Borg issa se jkun ic-chairman in office ta’ din l-organizazzjoni għal sena sħiħa u jien ninsab ċerta li taħt il-presidenza tiegħu, l-inizjattivi favur il-paċi u aktar koperazzjoni fl-Ewropa se jkomplu u jissaħħu.

Ix-xogħol tal-Gvern Laburista biex jgħolli isem Malta fix-xena internazzjonali qed jagħti frott kbir u dan jikkuntrasta bil-kbir mal-gambetti u l-ħidma kontra Malta li kontinwament nisimgħu dwarhom minn esponenti tal-Oppożizzjoni f’fora Ewropej. Is-suċċessi li qed tikseb id-diplomazija Maltija jagħtuhom risposta li b’dak li qed jagħmlu ta’ spiss qed jiġrilhom li qed jobżqu fl-ajru u jigi f’wiċċhom.

Ekonomija

Sport