Saturday, April 25, 2026

“Ġrajja li kienet se tbiddel il-kors tal-istorja Maltija”… ħruq ta’ karozzi, oħrajn mitfugħa l-baħar …strajk ġenerali

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il‑ħaddiema ma marrux għax‑xogħol. L‑istrajk kien suċċess mill‑ewwel. Imbagħad ġew iż‑żewġ provokazzjonijiet: il‑projbizzjoni fuq ir‑Rediffusion u l‑intimidazzjoni tax‑xufiera. Minn hemm faqqa’ kollox. Il‑Marsa: assedju ħdejn ir‑rampa, ħbit fuq vetturi militari, ġebel u għajjat. Raħal Ġdid: il‑vetturi Ingliżi nqalbu, inħarqu, u l‑poplu ħa kontroll tat‑toroq. Kordin: il‑Battalja. 700 dimostrant kontra Pulizija armata u Commandos. Il‑ġebel itir, iċ‑charges, il‑vjolenza. U jien, tifel ta’ disa’ snin, nara kollox minn taħt id in‑nannu.”

Hekk irrakkontalna, l-Ambaxxatur Anthony DeBono, meta tkellem magħna dwar l-esperjenza tiegħu f’dak li seħħ fit-28 ta’ April tas-sen 1958.  Kull pajjiż għandu l-mumenti tiegħu ta’ tbatija u twelid mill-ġdid; iżda ftit huma dawk li jistgħu jgħidu li rawhom minn għajnejn it-tfulija u mbagħad reġgħu għexuhom mill-ġdid bħala protagonisti.

Fl‑1958, meta l-biċċa l-kbira tat-tfal kienu jilagħbu fit-toroq jew jiġru wara ballun, tifel ta’ disa’ snin kien jinsab f’nofs ġrajja li kienet se tbiddel il-kors tal-istorja Maltija.  Dak it-tifel kien jismu Anthony ( Tony) De Bono, u dak il-jum — 28 ta’ April 1958 — baqa’ mnaqqax fih b’mod li lanqas iż-żmien ma rnexxielu jċajpar.

Jakkumpanja lin-nannu tiegħu Romeo Romano, li warajh illum jġorr ismu wieħed mill-ikbar ġonna tal-pajjiż, ra l-irvellijiet jinfetħu quddiemu bħal xena li tħalltek bejn il-biża’ u l-għożża.

Ir-riżenja ta’ Dom Mintoff kienet qajmet tempesta li ħadd ma kien kapaċi jrażżan, u dik it-tempesta kienet se twassal — pass wara pass, sena wara sena — għall-Indipendenza tal‑1964.

It-28 t’April 1958 kienet il-ġurnata li fiha ssaħħu d-drittijiet tal-ħaddiem u d-determinazzjoni tagħhom li ma jkunu qatt aktar maħkuma. Il-ħaddiema Maltin kellhom jaffaċċjaw il-qilla tal-Pulizija u li kienu arrestati. 

Il-Pulizija kienu  sawwtu u arrestaw għexieren ta’ Laburisti u, wara kumpilazzjoni sommarja mill-Maġistrat Gouder, intbagħtu l-ħabs, fosthom it-Tabib Bertu Hyzler u Agatha Barbara li kienu ministri fl-ewwel Gvern Laburista tal-Perit Mintoff kif ukoll l-avukat Patrick Holland u l-avukat Joe Micallef Stafrace. 

Jispikkaw ukoll l-esperjenzi tan-nies, f’dan l-avveniment. Maria Dolores Cauchi tgħid li “jien kelli 10 snin, li niftakar kienet ġurnata ta’ biża’. Ommi tinkwieta titlob biex missieri u ħuti jaslu d-dar qawwijin u sħaħ. Għases tal-Pulizija tawhom in-nar. Kienet ġurnata ta’ rebelljoni!”.

Joseph Farrell, jgħid li “missieri għamel 6 ijiem arrestat, dawk kienu l-Laburisti ta’ veru.” Alfred Piscopo, jgħid li “missieri kien weħel 28 ġurnata ħabs. Tilef ix-xogħol. Kien jaħdem mal-“Wireless and Telegraphy. Batejna ħafna. Konna se nemigraw, imma  in-nanna żammitna hawn.”

Stella Gafà, tgħid li “jien kont għadni żgħira. Niftakar kont mort ma’ omi l-Furjana. Morna bil-mixi u rritornajna lura bil-mixi.  Il-Marsa rajna persuni jwaqqfu l-karozzi u jitfgħuhom l-baħar wara li jinħarġu n-nies minn ġo fihom”. 

Intervista sħiħa f’IT-TORĊA ta’ għada.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport