Wednesday, March 27, 2024

GVERN LI MA JINGĦATAX KRETTU

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Minkejja li uħud jibqgħu xettiċi, il-verità hi li gvern li jmexxi linja xellugija jibqa’ mitqies bħala nieżel minn xi alla minuri. Mill-mezzi ta’ kumnikazzjoni u mir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, jekk li jagħmel mhux tajjeb biżżejjed jiġi kkritikat bla waqfien. Li jagħmel tajjeb jiġi injorat jew imċekken.

Mentri għal gvern b’linja leminija, dak li jagħmel “tajjeb” jiġi imfaħħar u mogħti kull importanza. Li jagħmel ħażin, jingħata l-ġenb, jekk mhux jiġi skużat. Minnu li fl-aħħar snin il-midja hekk imsejħa indipendenti ħraxu lejn il-PN fl-Oppożizzjoni… Forsi għax kien hemm.

Xejn ma nbidel madankollu mir-regola li t-tajjeb ta’ gvern xellugi ma jingħatax krettu. B’hekk, il-kisbiet tal-amministrazzjoni Laburista ftit jingħataw widen.
Drawwiet qodma jdumu biex imutu. Jew qed jistennew l-istaġun meta l-folja tinqaleb u l-emfażi favur il-lemin terġa’ tidħol b’saħħa?

BARRANIN IMĦARSA

Tista’ tkun impressjoni żbaljata. Fl-aċċidenti, ġieli delitti, fit-toroq, fil-postijiet tax-xogħol l-aktar tal-bini imma mhux biss, fid-djar, l-akbar numru ta’ vittmi, mhux l-anqas nisa, donnu ġej mill-komunità barranija fostna. Fl-aħħar snin din laħħqet aktar minn kwart tal-popolazzjoni tagħna.

Fl-istess ħin kemm fostna u kemm (hekk jidher) fost dawk li jgħixu magħna, is-sentiment hu li l-gżejjer Maltin jipprovdu ambjent sigur fejn wieħed jgħix. Il-vjolenza u r-reati kontra l-propjetà huma relattivament ftit imqabbla ma’ imkejjen oħra. Il-Maltin huma poplu ġeneruż u akkoljenti.

Għadha minnha din il-perspettiva? Jew qed tirreferina lura lejn żminijiet oħra?
Aħna lkoll nemmnu fil-qalb ġeneruża tal-poplu Malti, kif murija fil-maratoni ta’ ġbir ta’ fondi għall-“karità” li jinżammu ta’ spiss. Kif allura nistgħu nemmnu li fostna hemm xi ħaġa li tweġġa’ u toqtol lil min jiġi jgħix hawn?

X’QED ISSIB METSOLA

Nimmaġina li s-sinjura Robera Metsola kienet qed tistenna li tiġri xi ħaġa hekk – jiġifieri li l-imġiba tagħha bħala President tal-Parlament Ewropew se titpoġġa taħt skrutinju qawwi. Żgur ma stennietx li se jitqanqal l-iskandlu tal-Qatar, kif ħadd ma stennieh, għadilli l-mod kif jaħdem il-Parlament Ewropew bilfors joħloq ftuħ biex skandli bħal dan isibu l-għerq.

Jidħol fil-mod kif wieħed iqis dak li Metsola qed taffaċċja, element ta’ schadenfreude, kif isejħulu l-Ġermaniżi… il-gost li tieħu bid-dwejjaq ta’ ħaddieħor. Speċjalment ta’ xi ħadd li għal snin, iddelletta jtella’ dak li pproġettat (hi u l-partit tagħha) bħala n-nuqqasijiet ta’ gvern Malti li hi kienet topponi.

Issa, hemm min qed jaqla’ quddiem kulħadd, nuqqasijiet li huma allegatament tal-President attwali tal-Parlament. Xejn ma niddeletta bix-schadenfreude lanqas f’dal-każ, imma jkolli nammetti li nifhem għaliex jitqanqal.

Ekonomija

Sport