Friday, April 19, 2024

ĦARSIEN TAL-KLIMA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Hu meħtieġ li l-miżuri li jittieħdu biex it-tisħin tal-klima jiġi mrażżan ikunu ċari u effettivi, mhux taparsi. Jidher sew li ħafna minnhom se joħolqu piżijiet ekonomiċi, finanzjarji u soċjali ġodda. Min iħassel mod ieħor jew jgħix fis-sħab jew qed iqarraq, forsi anke bih innifsu.

Il-kwistjoni tqum dwar kif dawn il-piżijiet jistgħu jitqassmu b’mod ġust. Hemm qbil li hekk għandu jsir, mhux l-anqas għax b’xi mod ieħor żgur jitqanqal rebus politiku.

Irid ikun hemm hemm bilanċ soċjali f’kull miżura li tippermetti lill-popolazzjonijiet li se jintlaqtu ħażin biex ikunu jistgħu ipattu għad-dannu li se jkollhom jaffaċċjaw. Il-każ tal-ħaddiema fil-minjieri tal-faħam (li jridu jingħalqu kollha) hu forsi l-
eżempju l-aktar ċar ta’ dil-biċċa.

L-effetti ta’ miżuri oħra jispikkaw anqas imma huma wkoll jirrekjedu xi
mekkaniżmu ta’ bilanċ. Bħal pereżempju t-taxxi ġodda li se jkunu deħlin fuq it-trasport bl-ajru.

IL-LIBJA NTESIET?

Ħaġa minn ewl id-dinja forsi. Imma kemm ilha li skattat il-gwerra ta’ Putin, il-Libja donnha ntesiet. Kif jgħidu: “first things first” u jidher bħala żvilupp naturali li l konflitt fl-Ukrajna jieħu l-ewwel post.

Madankollu meta jkun hemm nar kbir qed jaqbad x’imkien u mhux bogħod minnu jkunu qed jixxettlu nirien “iżgħar”, jibqa’ l-periklu li jekk dawn tinjorahom, jistgħu
jitqawwew u jingħaqdu man-nar il-“kbir”. Il-vampa tinfirex.

Sa issa l-isforzi li saru biex it-tmexxija tal-Libja tinġab lura lejn “in-normal” kollha għotru. Nimmaġina li kull darba, l-aqwa sforzi saru biex jinżammu sodisfatti l-kbarat ta’ tip jew ieħor… u moqdija l-interessi tal-potenzi barranin li xtaqu jżommu subgħajhom fil-borma Libjana. X’inhu fl-interess tal-poplu Libjan kollu kemm hu ftit li xejn kellu x’jaqsam ma’ x’kien qed jitkewwes.

Il-falliment baqa’ doppju: la ġew sodisfatti l-interessi vestiti fil-Libja u lanqas intlaħqu l-aspirazzjonjiet tal-poplu Libjan għall-paċi u l-progress.

L-IMPRIŻI Ż-ŻGĦAR

Fl-aħħar ġimgħat, jien u miexi minn toroq li kien ili ma ngħaddi minnhom bqajt impressjonat bin-numru ta’ impriżi żgħar u medju (l-smes), l-aktar ħwienet, li għalqu. Veru li fl-Ewropa jintqal li din hi karatteristika tal-smes: li jinħolqu u jmutu biex jerġgħu jitwieldu huma jew xi impriża oħra li tidħol minflokhom. U li dan ikattar id-dinamiżmu tas-settur kollu kemm hu.

Biss m’hemm xejn li jallegrak filli tinduna kif impriżi żgħar li tkun ilek taf bihom (u xtrajt mingħandhom) għal għoxrin, tletin sena, illum bla mistenni jinsabu magħluqa. Minkejja l-għajnuniet li taw il-gvernijiet, bosta smes Ewropej ma rnexxilhomx ikampaw fil-klima ta’ diżgwid li ġabu magħhom l-ewwel l-imxija tal-Covid u wara l-gwerra fl-Ukrajna.

Sport