Id-Deputat Mexxej u MPE Laburista Alex Agius Saliba kiteb lill-President u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) u talabhom jinvestigaw nuqqasijiet fil-Partit Nazzjonalista, wieħed mill-partiti membri tal-PPE. Il-PN naqsu milli jissottomettu l-kontijiet awditjati għal dawn l-aħħar erba’ snin kif ukoll rendikont tad-donazzjonijiet għal dawn l-aħħar tliet snin. Leġislazzjoni ntrodotta mill-Gvern Laburista fl-2016 tirrikjedi li l-partiti politiċi għandhom jindikaw l-ismijiet ta’ dawk il-kumpaniji u ndividwi li jagħtu donazzjonijiet ta’ iktar minn €7,000.
Fl-ittra tiegħu, Agius Saliba spjega kif is-sottomissjoni tar-rekords dwar id-donazzjonijiet b’mod puntwali hija ta’ mportanza ndispensabbli sabiex jiġu żgurati l-ogħla standards ta’ kontabilità u trasparenza. “Wieħed ma jistax iħambaq li l-Gvern mhux qed jagħmel biżżejjed sabiex jipproteġi s-saltna tad-dritt jekk fl-istess waqt jirrifjuta li jgħid min qed jiffinanzja l-istrutturi li permezz tagħhom qiegħed jopera! Il-votanti tagħna jixraqilhom ikunu jafu għalfejn nieħdu l-pożizzjonijiet politiċi tagħna, u l-liġijiet dwar l-iffinanzjar tal-partiti huma ntiżi sabiex jindirizzaw dan id-dritt demokratiku bażiku.”
Agius Saliba spjega wkoll li l-kredibiltà tal-PN fiż-żamma tar-rekords finanzjarji hija mtappna wkoll mil-fatt li t-teżorier tagħhom, Veronica Perici Calascione, hija bint id-Deputat Mexxej, Alex Perici Calascione. Din il-parentela stretta bejn żewġ individwi f’pożizzjoni għolja tagħti l-impressjoni li l-finanzi tal-Partit qed jiġu mmexxija daqs li kieku kien xi negozju żgħir tal-familja. In-nuqqas tal-PN li jissottomettu l-finanzi tagħhom irid jitqies ukoll fid-dawl tal-fatt li meta kienu fil-Gvern irrifjutaw li jimplimentaw kwalunkwe leġislazzjoni sabiex tirregola l-iffinanzjar tal-partiti, u dan minkejja bosta rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward.
Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista kkummenta fuq din il-materja. “Huwa evidenti li l-PN qed jagħmlu minn kollox sabiex itawlu u jżommu l-pubblikazzjoni tar-rekords finanzjarji tagħhom. Ippruvaw iwaħħlu fl-awdituri għad-dewmien fil-pubblikazzjoni tal-kontijiet awditjati, iżda m’għandhomx bżonn lill-awditur sabiex jgħidilhom kemm irċevew donazzjonijiet u mingħand min!”