Sunday, December 22, 2024

“Id-diplomazija parlamentari għandha toħroġ bħala xempju ta’ tama f’dinja fejn jippersistu l-kunflitti”

- L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia

Aqra wkoll

Il-148 Assemblea tal-Unjoni Inter-Parlamentari, li tiġbor 146 parlament minn madwar id-dinja, qiegħda tiltaqa’ f’Ġinevra fejn qiegħda tiddiskuti kif id-diplomazija parlamentari tista’ tkun għodda importanti ħalli jinbnew pontijiet għall-paċi u l-fehim.

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, fl-intervent tiegħu qal li, “id-diplomazija parlamentari għandha toħroġ bħala xempju ta’ tama, f’dinja fejn jippersistu l-kunflitti’. Madankollu Farrugia stqarr li d-diplomazija parlamentari, ħafna drabi, tiġi injorata fid-diskors diplomatiku tradizzjonali, minkejja li din għandha potenzjal immens fit-trawwim tad-djalogu, il-kooperazzjoni u r-rikonċiljazzjoni fost in-nazzjonijiet.

L-Ispeaker saħaq li b’differenza mill-kanali diplomatiċi tradizzjonali, id-diplomazija parlamentari tinvolvi rappreżentanti eletti u għalhekk il-vuċi tan-nies. Isservi wkoll bħala katalist għall-bini ta’ pontijiet bejn in-nazzjonijiet, li jnaqqas il-lakuni li jistgħu jeżistu minħabba lmenti storiċi, differenzi ideoloġiċi, jew tensjonijiet ġeopolitiċi.

Saħaq iżda, li “l-aħjar prattika tinsab meta d-diplomazija parlamentari u d-diplomazija tradizzjonali jaħdmu flimkien. Il-kumitati parlamentari għall-affarijiet barranin huma eżempju konkret u jistgħu jilħqu dan l-għan importanti. Id-diplomazija parlamentari hija bbażata fuq impenn għall-iżvilupp ta’ kultura ta’ djalogu fir-rispett tad-diversità u l-identità kulturali. Dan huwa wieħed mis-saħħiet li d-diplomazija parlamentari, permezz tal-hekk imsejħa diplomazija ‘soft’, iżżomm linja miftuħa ta’ djalogu sostnuta minn djalogu interkulturali”.

Huwa temm id-diskors tiegħu billi stqarr li d-diplomazija parlamentari tirrappreżenta opportunità biex jingħelbu r-restrizzjonijiet kulturali li d-diplomazija tiffaċċja. Huwa ħeġġeġ lill-parlamentari biex irawmu relazzjoni integrata bejn id-diplomazija tradizzjonali u dik parlamentari li ssaħħaħ it-tnejn, filwaqt li tħalli lil kull wieħed jiżviluppa l-fergħa tiegħu.

L-Ispeaker ippresieda wkoll is-sessjoni ta’ livell għoli dwar “It-taffija tal-konsegwenzi umanitarji tal-gwerra: ir-rwol tal-Parlamentari”. Indirizzaw din is-sessjoni s-Sinjura Mirjana Spoljaric Egger, President tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u s-Sinjura Pramila Patten, Rappreżentant Speċjali tan-NU tas-Segretarju Ġenerali dwar il-Vjolenza u l-Kunflitti Sesswali.

Ekonomija

Sport