Wednesday, April 24, 2024

Il-179 b’aktar minn elf telefonata fix-xahar

Fl-2020 tispikka l-problema kbira tas-solitudni f’Malta

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-linja ta’ support nazzjonali 179 is-sena l-oħra kellha total 13,906 telefonati ġenwini minn persuni li rrikorru għal għajnuna pprovduta minn dan is-servizz. Dan l-ammont huwa ekwivaleti għal medja ta’ 1,159 każijiet fix-xahar. F’mistoqsija Parlamentari l-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, ta lista ddetaljata tal-għajnuna mitluba fuq il-179 fejn jirriżulta li l-akbar diffikultà li qegħdin iħabbtu wiċċhom in-nies f’pajjiżna hija dik tas-solitudni.

Total ta’ 2,626 persuna li ċemplu lil 179 minħabba li ħassuhom waħidhom. Dan huwa l-akbar ammont fil-lista ta’ diffikultajiet li waslu fuq din il-linja mentri fit-tieni post hemm dik ta’ persuni mingħajr saqaf fuq rashom (645) segwita minn 439 telefonata minħabba vjolenza domestika mil-lat emozzjonali.

Meta wieħed jgħodd il-każijiet relatati ma’ vjolenza domestika, il-179 kellu total ta’ 1,029 telefonata fir-rigward u d-diffikultajiet huma minn dawk f’riskju ta’ vjolenza domestika (208); emozzjonali (439); finanzjarja (17); negliġenza (4); fiżika (353); u tmienja oħra sesswali.

Fir-risposta tiegħu l-Ministru Falzon elenka wkoll telefonati relatati mat-tfal bl-akbar ammont ta’ telefonati jkun minħabba negliġenza (160) segwit minn tfal f’riskju ta’ abbuż (151) u 105 tfal vittmi ta’ abbuż fiżiku.

Il-lista ddetaljata tinkludi fost l-oħrajn bżonnijiet minn 1,098 persuni li riedu jitkellmu mal-operaturi tal-179; oħrajn rigward problemi ta’ saħħa mentali (1,505); u telefonati b’konnesssjoni mal-anzjan daħlu 477.

Is-servizz 179 juri wkoll li lokalment hemm persuni f’diffikultajiet varji fosthom alkoħol, problemi fiż-żwiġijiet u r-relazzjonijiet, atteġġjament minn persuni li jridu jweġġgħu lilhom infushom u diffikultajiet finanzjarji.

Sport