Il-Baġit: Minn Lenti Ekonomika

Aqra wkoll

Jikteb Wayne Vella

Kif ħafna jafu, ġimgħa ilu tħabbar il-Baġit tal-Gvern għas-sena 2027. Minkejja l-isfidi ekonomiċi internazzjonali u dawk li qed jaffaċċja pajjiżna, dan il-baġit jibqa’ wieħed b’saħħtu. F’kuntest ekonomiku fejn il-familji qed ikomplu jħabbtu wiċċhom mal-għoli tal-ħajja, in-negozji jridu jibqgħu kompetittivi u l-Gvern irid jiżgura s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, il-baġit għandu rwol kruċjali fid-direzzjoni ekonomika ta’ pajjiżna.

Madankollu, baġit ma għandux jiġi evalwat biss mill-miżuri li jħabbar, iżda wkoll mill-impatt ekonomiku u soċjali li dawn ikollhom fuq il-familji, il-ħaddiema u n-negozji Maltin u Għawdxin. Huwa għalhekk li l-analiżi ekonomika ta’ dan il-baġit għandha tmur lil hinn mill-figuri u l-wegħdiet, u tħares lejn kif il-miżuri proposti jistgħu jikkontribwixxu għal ekonomija aktar b’saħħitha, ġusta u sostenibbli.

Is-Super Bonus

L-ewwel u l-aktar proposta mistennija kienet dik tas-Super Bonus, u iva għalkemm kien hemm min daħħal id-dubji, dan xorta waħda ingħata għax Gvern Laburista li jwiegħed, iwettaq. Din minn l-ewwel daqqa t’għajn tinstema’ qisha ser tagħti daqqa ekonmika lill-bilanċ tal-pagamenti iżda tista’ tissarraf f’benefiċċju ekonomiku.

Dan jibda mill-ewwel pass fejn naturalment jiżdied id-dħul disponibbli tal-poplu b’hekk ikun imħeġġeġ li jikkonsma iżjed prodotti u servizzi li hija żieda fid-domanda aggregata. Iż-żieda fid-domanda aggregata żżid il-bżonn tal-produzzjoni għan-negozji biex il-provvista aggregata tlaħħaq mad-domanda. Minħabba din ir-raġuni l-pajjiż jibda jipproduċi iżjed li jtejjeb il-Prodott Gross Domestiku (PGD) u kif nafu taħt gvern bħal dan il-ġid ekonomiku fl-aħħar mill-aħħar imur għand min ħadem għalih.

Meta dan kollu jiġi magħqud wieħed jista’ jara ekonomija iżjed attiva li ttejjeb id-dħul tan-negozju. Dan iwassalna għall-kunċett ekonomiku tal-Effett Multiplikatur, fejn żieda inizjali fl-infiq twassal għal sensiela ta’ żidiet oħra fid-dħul nazzjonali. Fil-każ tas-Super Bonus, meta l-konsumaturi jonfqu parti mid-dħul addizzjonali tagħhom f’negozji lokali, dawn in-negozji jirċievu dħul akbar li jista’ jerġa’ jiġi investit jew jintuża biex jitħallsu l-ħaddiema. B’hekk, l-infiq ta’ individwu jsir id-dħul ta’ individwu ieħor, u l-attività ekonomika tkompli tiġġenera effetti pożittivi fuq l-ekonomija kollha.

Madankollu, il-kobor ta’ dan l-effett jiddependi wkoll minn kemm minn dan l-infiq jibqa’ fl-ekonomija domestika minflok joħroġ permezz tal-importazzjonijiet. Barra minn hekk, wieħed jista’ jara l-fenomenu ta’ kemm iż-żidiet esterni fiċ-ċiklu ekonomiku jikkawżaw benefiċċju li fl-aħħar mill-aħħar iwassal għall-Prodott Gross Domestiku (PGD) aħjar.

Taxxa Korporottiva Għan-Negozji Żgħar

Miżura oħra li jistħoqqilha attenzjoni partikolari hija t-tnaqqis fir-rata tat-taxxa korporattiva minn 35 fil-mija għal 25 fil-mija fuq il-profitti miżmuma jew investiti minn kumpaniji eliġibbli b’fatturat sa miljun ewro. Din il-miżura tista’ titqies bħala inċentiva fiskali importanti għall-iżvilupp tan-negotzji ż-żgħar u medji (SMEs), li jiffurmaw parti essenzjali mill-istruttura produttiva tal-ekonomija Maltija.

Minn perspettiva ekonomika, wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ din il-miżura huwa li tinkoraġġixxi l-formazzjoni tal-kapital. Meta kumpanija tkun tista’ żżomm proporzjon akbar mill-profitti tagħha, ikollha aktar riżorsi finanzjarji disponibbli biex tinvesti mill-ġdid fl-operat tagħha. Dan jista’ jinkludi investiment f’makkinarju modern, teknoloġija diġitali, taħriġ tal-ħaddiema u espansjoni tal-produzzjoni. Investimenti bħal dawn jistgħu jwasslu għal żieda fil-produttività tax-xogħol, titjieb fl-effiċjenza produttiva u tnaqqis fl-ispejjeż medji tal-produzzjoni.

Barra minn hekk, meta n-negozji jkunu jistgħu jespandu l-operat tagħhom u jgawdu minn ekonomiji ta’ skala, ikunu f’pożizzjoni aħjar biex isaħħu l-kompetittività tagħhom fis-swieq lokali u internazzjonali. Dan jista’ jikkontribwixxi għal aktar innovazzjoni, ħolqien ta’ impjiegi u żieda fil-valur miżjud tal-produzzjoni nazzjonali. Għalhekk, din il-miżura mhix biss tnaqqis fil-piż fiskali, iżda tista’ sservi bħala strument ta’ politika ekonomika li tħeġġeġ investiment produttiv u tkabbir ekonomiku fit-tul.

Il-Ġustizzja Soċjali u t-Titjib fil-Kwalità tal-Ħajja

Aspett ieħor importanti tal-Baġit 2027 huwa l-enfasi tiegħu fuq il-ġustizzja soċjali u t-titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu. Baġit ma għandux jitkejjel biss permezz tat-tkabbir ekonomiku jew tal-investiment fin-negozji, iżda wkoll mill-mod kif il-ġid nazzjonali jitqassam fost is-soċjetà. F’dan ir-rigward, il-miżuri soċjali mħabbra juru l-importanza li l-iżvilupp ekonomiku jkun akkumpanjat minn protezzjoni soċjali u opportunitajiet indaqs.

Miżura li jistħoqqilha attenzjoni partikolari hija ż-żieda fil-Carers’ Grant għal €7,500 fis-sena. Din tirrikonoxxi rwol importanti ta’ dawk li jieħdu ħsieb persuni li jeħtieġu assistenza kontinwa. Minn perspettiva ekonomika, il-kura informali li tingħata mill-familjari tifforma parti mill-ekonomija tal-kura, minkejja li mhux dejjem tidher fil-kejl tradizzjonali tal-attività ekonomika. Għaldaqstant, din iż-żieda tista’ tgħin biex tnaqqas il-piż finanzjarju fuq dawn il-familji u ssaħħaħ il-protezzjoni soċjali.

Bl-istess mod, il-pensjoni sħiħa lir-romol u ż-żieda ta’ €10 fil-ġimgħa fil-pensjonijiet għandhom sinifikat ekonomiku u soċjali importanti. Dawn il-miżuri jikkontribwixxu għar-ridistribuzzjoni tad-dħul u jgħinu biex jissaħħaħ id-dħul disponibbli tal-pensjonanti. Dan huwa partikolarment rilevanti f’kuntest fejn l-għoli tal-ħajja jista’ jnaqqas il-kapaċità tal-akkwist tal-familji. Barra minn hekk, meta l-pensjonanti jkollhom aktar dħul disponibbli, ikunu jistgħu jżommu livell aħjar ta’ konsum, u b’hekk jikkontribwixxu wkoll għad-domanda aggregata kif spjegajt fit-taqsima tas-Super Bonus.

Miżuri oħra li juru l-importanza tal-inklużjoni huma l-għoti ta’ terapija b’xejn lit-tfal b’diżabbiltà u l-introduzzjoni ta’ għaxart ijiem ta’ Sports Leave għall-atleti elite. L-ewwel miżura tista’ tgħin biex jissaħħaħ il-kapital uman permezz ta’ appoġġ u żvilupp aħjar tat-tfal, filwaqt li tnaqqas il-piż finanzjarju fuq il-familji tagħhom. It-tieni, min-naħa tagħha, tagħti lill-atleti l-opportunità li jkomplu jiżviluppaw il-potenzjal sportiv tagħhom mingħajr ma jkollhom għalfejn jittraskuraw l-obbligi tax-xogħol tagħhom.

Għalhekk, dawn il-miżuri juru li l-politika ekonomika ma għandhiex tiffoka biss fuq kemm jikber il-ġid nazzjonali, iżda wkoll fuq kif dan il-ġid jittrasforma f’benesseri konkreti għaċ-ċittadini. Dan huwa aspett essenzjali ta’ ekonomija li tfittex tkabbir sostenibbli u soċjetà aktar inklużiva.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport