Żewġ Maltin suspettati b’involviment fi frodi ta’ €153 miljun fuq il-fjuwil fi Spanja – wieħed minnhom allegatament ħarab mill-pajjiż

Aqra wkoll

Żewġ Maltin qed jiġu investigati b’rabta ma’ allegata organizzazzjoni kriminali involuta fi frodi ta’ €153 miljun fis-settur tal-fjuwil fi Spanja.

Skont rapport ippubblikat mit-Times of Malta, il-Pulizija wettqet tfittxijiet f’proprjetajiet marbuta maż-żewġ Maltin nhar l-Erbgħa, bħala parti minn operazzjoni koordinata bejn erba’ pajjiżi Ewropej. Wieħed miż-żewġ suspettati huwa maħsub li ħarab mill-pajjiż qabel l-intervent tal-Pulizija.

L-investigaturi jemmnu li bejn l-2021 u l-2024 in-network uża kumpanija rreġistrata fil-Bulgarija u 14-il kumpanija oħra fi Spanja biex jevita l-ħlas tal-VAT fuq il-fjuwil, filwaqt li l-prodotti setgħu jinbiegħu bi prezzijiet orħos minn dawk tal-kompetituri.

Skont il-Pulizija, iż-żewġ Maltin, flimkien ma’ żewġ Taljani u ċittadin Bulgaru, huma suspettati li waqqfu u mexxew din l-istruttura ta’ kumpaniji. Ħames persuni oħra fi Spanja jinsabu wkoll taħt investigazzjoni.

L-awtoritajiet qed jinvestigaw ukoll allegat ħasil ta’ flus, hekk kif somom kbar ġew trasferiti bejn Spanja, Malta, l-Italja u l-Bulgarija.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport