Is-sigurtà tal-Ewropa hija marbuta direttament ma’ dik tal-Mediterran – Il-Ministru Glenn Bedingfield

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, ipparteċipa fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għad-Difiża tal-Unjoni Ewropea (FAC Defence), li saret fi Brussell.

Matul din il-laqgħa, il-Ministri ddiskutew l-isfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa fil-qasam tas-sigurtà u l-ħtieġa li l-pajjiżi Ewropej jaħdmu flimkien sabiex jipproteġu liċ-ċittadini tagħhom u jiggarantixxu s-sigurtà u l-istabbiltà.

Il-Ministru Bedingfield saħaq li s-sigurtà tal-Ewropa ma tibdiex u lanqas tieqaf mal-fruntieri tagħha. Dak li jiġri fil-Mediterran għandu impatt dirett fuq pajjiżna u fuq in-nies tagħna. Għaldaqstant, Mediterran aktar sigur u stabbli jfisser Malta aktar sigura u Ewropa aktar sigura.

Huwa għalhekk li l-Ewropa għandha tibqa’ impenjata fir-reġjun Mediterranju, taħdem flimkien mas-sħab tagħha sabiex tindirizza l-isfidi b’mod konġunt qabel ma dawn jeskalaw fi kriżijiet.

Matul il-laqgħa, il-Ministru enfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ Ewropa magħquda u ppreparata, li tkun kapaċi twieġeb għall-isfidi ġodda li qed jitfaċċaw fil-qasam tas-sigurtà. Fl-istess waqt, saħaq li r-realtajiet li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi Mediterranji, fosthom Malta, m’għandhomx jiġu injorati u għandhom jibqgħu prijorità fl-aġenda Ewropea.

Dwar l-Ukrajna, il-Ministru tenna l-appoġġ ta’ Malta għas-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-pajjiż. Huwa saħaq li Malta hija lesta tkompli tipprovdi għajnuna umanitarja u appoġġ mhux letali lill-Ukrajna, filwaqt li tibqa’ tirrispetta bis-sħiħ in-newtralità kostituzzjonali tagħha.

Il-Ministru Bedingfield enfasizza wkoll il-ħtieġa li l-Ewropa tkun ippreparata aħjar għal theddid ġdid u emerġenti. Dan jinkludi l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika essenzjali u t-tisħiħ tal-kapaċità Ewropea li tirreaġixxi għal attakki ċibernetiċi, sabotaġġ, diżinformazzjoni u theddid ieħor li jista’ jaffettwa direttament il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini.

Dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti, il-Ministru appella għal djalogu kontinwu u kooperazzjoni prattika bejn iż-żewġ naħat, partikolarment f’mument ta’ inċertezza dejjem akbar fid-dinja. Huwa saħaq li n-newtralità ta’ Malta tibqa’ saħħa għal pajjiżna, għaliex tippermettilna nippromwovu d-djalogu u naħdmu għal soluzzjonijiet effettivi favur il-paċi u s-sigurtà, dejjem fuq il-bażi tad-dritt internazzjonali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport