“L-ekonomija Maltija waslet fi stadju fejn għandha l-ħila u l-opportunità li tagħmel il-qabża li jmiss. Irridu li kull investiment ġdid iżid il-valur ta’ dak li noffru u jiftaħ it-triq għal xogħol aħjar, aktar ħiliet u dħul aħjar. Fil-kummerċ u l-ospitalità, dan jitlob investiment fin-nies daqskemm jitlob investiment fl-infrastruttura. Fit-taħriġ, fl-iżvilupp professjonali u fl-opportunità li persuna tibda f’impjieg u tara futur quddiemha.”
Dan qalu l-Prim Ministru Robert Abela waqt l-inawgurazzjoni ta’ investiment kummerċjali ta’ €50 miljun f’San Ġiljan. Is-St George’s Mall huwa stabbiliment, parti minn żvilupp akbar mid-DB Group fil-post, li jinkludi l-Hard Rock Hotel Malta u l-ORA Residences.
Il-proġett huwa mifrux fuq 15,000 metru kwadru ta’ art, fuq żewġ sulari u fih se jkun hemm total ta’ 60 stabbiliment, fosthom tal-moda u tal-ikel. Se jinkludi wkoll 1,267 spazju ta’ parkeġġ.
L-investiment se jinkludi wkoll 18-il stabbiliment tal-ikel u x-xorb b’kunċetti ġodda, inklużi brands li se jibdew joperaw minn Malta għall-ewwel darba.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru qal li hija x-xewqa tal-Gvern li fis-setturi tal-ospitalità u l-kummerċ iż-żgħażagħ jaraw opportunitajiet biex javvanzaw, fost oħrajn fit-tmexxija, fil-marketing, fit-teknoloġija u fis-servizzi speċjalizzati. “Hekk in-negozju jissaħħaħ u l-ħaddiem jikber miegħu,” qal Dr Abela. Kompla jgħid li l-fatt li dan l-istabbiliment b’investiment hekk kbir qed iġib taħt saqaf wieħed għażla vasta ta’ gosti differenti, bi brands internazzjonali, hija l-kwalità li l-Gvern irid li jkompli jibni fuqha.
“Il-kwalità tinkludi wkoll ir-responsabbiltà lejn l-ambjent u lejn il-karattru ta’ pajjiżna. Għalhekk nilqa’ l-importanza li ngħatat lill-istandards tas-sostenibilità permezz taċ-ċertifikazzjoni LEED (Leadership in Energy and Environmental Design) u napprezza wkoll li nżammu elementi storiċi tal-binja tal-ITS li wieħed jista’ jara fid-daħla.”
Huwa kompla billi fakkar x’inhu l-irwol tal-Gvern biex il-kwalità u l-qabża ekonomika li jmiss isseħħ. “Bħala Gvern, irridu nkomplu noħolqu l-kundizzjonijiet biex investimenti ta’ kwalità jkunu jistgħu jirnexxu. B’direzzjoni ekonomika ċara, bi stabbiltà u b’investiment fl-infrastruttura u fil-ħiliet tan-nies tagħna.”
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern huwa konxju tar-riskju li qed jieħu kull imprenditur u huwa għalhekk li l-Gvern qed jibqa’ jisma’ biex jifhem l-isfidi u biex Malta tibqa’ pajjiż fejn min għandu idea jkun jista’ jwettaqha.
Fuq l-ekonomija inġenerali l-Prim Ministru qal illi meta l-Gvern jiġi mistoqsi kif Malta rnexxielha tikseb is-suċċess ekonomiku kurrenti, huwa dejjem iwieġeb li dan qed jagħmlu b’elenku twil ta’ miżuri li jagħtu s-saħħa lill-but tal-familji, is-sussidji fuq l-enerġija bħala salvagwardja għall-familji u n-negozji u li l-Gvern qed jiġbor aktar flus mingħajr ma jintroduċi aktar taxxi.
“Il-kejl tas-suċċess tagħna jibqa’ kemm dan il-progress li qed nagħmlu jtejjeb il-ħajja tan-nies. Kemm joħloq opportunitajiet għall-familji. Kemm jagħti futur liż-żgħażagħ. U kemm jgħolli l-livell ta’ dak li Malta għandha x’toffri,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat minn martu Lydia Abela. Preżenti għal din l-inawgurazzjoni f’isem l-investituri Maltin kien hemm Silvio Debono Chairman tal-Grupp DB u Paul Gauci Chairman tal-Grupp PG.
