Il-leġġenda ta’ Ras ir-Raheb….u l-għajbien tal-bidwi tradizzjonali Malti u miegħu d-drawwiet

Aqra wkoll

Minn Victor Vella

Lil Mikiel konna drajnieh. Għażeb. Magħqud għax ix-xogħol tar-raba’ hekk iġibek. Kien tiela’ t-trejqa mit-Trozz fil-Baħrija. Wara dahru in-nassa u f’idejh il-ġewlaq. Nieqfu nkellmuh. In-nannu jistaqsih kif mar. Iwieġbu li kien mela tlett bramel vopi. Jitkellmu fuq xi ħaġa oħra li ta’ tifel li kont ma fhimtx. Dik id-diskursata qasira rajtha qisha ġurnata. Kont inkun fuq ix-xwiek biex naslu fuq il-post u nniżżlu n-nassi. Il-mogħdija mat-tarf l-irdum fuq xifer il-baħar kienet tbeżżagħni, imma ma kienx hemm mod ieħor kif tasal it-Trozz.

Kif naslu nipprepara l-ballun ta’ ġon-nassa. In-nannu jagħmel il-mażżra. “Qabad sew Mikiel hu. Suppost naqbdu aħna”, kont pront għedtlu. Iħares lejja u jgħidli tgħallem waħda fejn jidħol il-ħut. Jieqaf u jgħidli ‘fis-sajd lil min għarusa u lil min għaguża”. Għaguża? X’taħbat?  “Mara xiħa’ ikun pront jgħidli. Spjegali li fis-sajd qatt ma taf fejn int. Jiddependi fuq ix-xorti; kultant is-sajjied ikollu xorti tajba ħafna u kultant ikollu xorti ħażina.

Dakinhar xorti ħażina kellna għax il-bramel baqgħu vojta għajr għal ftit ħut. “Dar il-kurrent” kien qalli. Qabel nitilqu konna nintasbu taħt blata li kien hemm u nixorbu belgħa te bin-nagħnieh jekk ikun is-sajf u ilma frisk fix-xitwa.  Illum tidher stramba.

Imma l-antiki kienu jemmnu ħafna biha. Fis-sajf, anke fejn il-baħar, te konna nixorbu u waqt il-kesħa ta’ Jannar u Diċebmru  ilma frisk.  Din hi xi ħaġa li tista’ tgħid li spiċċat.  Imma kien hemm loġika warajha. Dan għax meta tixrob xi ħaġa sħuna f’temp sħun, il-ġisem jibgħat sinjal lill-moħħ li l-ġisem qed jisħon. Bħala reazzjoni, il-ġisem jibda jgħerreq aktar. Meta l-għaraq jevapora minn mal-ġilda, dan fil-verità jkessaħ il-ġisem b’mod aktar effettiv milli kieku xrobt xi ħaġa kiesħa jew bis-silġ.

  • Fix-xitwa issir bil-kontra. Tixrob xi ħaġa friska meta jkun il-bard, u b’hekk il-ġisem iħoss il-bżonn li jipproduċi s-sħana biex iġib dak il-likwidu għat-temperatura interna tal-ġisem. Dan jistimula l-metaboliżmu u jgħin biex iżomm il-ġisem sħun minn ġewwa.
  • Sajf u xitwa, dejjem qalżiet twil u qmis komma twila minħabba ir-raġġi tax-xemx u b’kappel f’rasna.

Faċċata mit-Trozz tara l-blat ta’ mal-baħar jogħla ‘lfuq sew u jaqta’ dritt għal ġol-baħar.  Moħħi beda jgħidli li forsi minn hemm aħjar għall-ħut u staqsejtu nistgħux ippruvaw minn hemm darba oħra.

“Ras ir-Raheb hemm’ qalli. “Bin-nassi hawn aħjar. Hemm m’hemmx fejn tistkenn”.

Rani qisni imfixkel. Il-kelma ‘Raheb’ qatt ma kont smajt biha. Jirrakkontali l-istorja marbuta ma’ dan il-post. Ovvjament ebda provi għal din l-istorja ħlief li ġiet rakkuntata minn ġenerazzjoni għal oħra. Jispjegali li hemmhekk kien hemm tempju.  Għad hemm il-fdalijiet tiegħu. F’xi żmien fis-sit ir-rakkont jgħid li kien mar jgħix hemmhekk eremit. Maqtugħ minn kulħadd. Fuq ir-riħ tal-baħar.  Imdawwar mill-bdiewa. Fi żmien meta l-biedja kienet tinħadem mill-membri kollha tal-familja, ir-rakkont jgħid li dan ir-Raheb, kien tefa’ għajnejh fuq tfajla partikolari li kienet ta’ kuljum tinżel taħdem ir-raba’ fil-wilġa.  B’xi mod it-tfajla indunat li kien qiegħed josservaha u hi ddeċidiet li tiġbor l-għodda u ddabbar lejn darha, Ir-rakkont jgħid li hu beda jsewiha. Iddeċidiet li titlaq tiġri u hu beda jiġri warajha. Ġibdet lejn dan it-tempju, proprju fuq ix-xifer.  Ma kellhiex aktar fejn tmur u meta rat li resaq lejha sew, intefgħet għal isfel f’dak il-baħar selvaġġ.  Hu qabeż warajha ukoll iżda baqa’ imdendel mal-blat.

Skont ir-rakkont, il-blata li weħel magħha, min  ikun għaddej minn fuq il-baħar jista’ jaraha u skont dak li jingħad jekk wieħed jifli sew u juża ftit l-immaġinazzjoni jara li din il-blata verament tixbaħ lil dik ta’ ġisem ta’ eremit.

Kien żmien ieħor…fejn huma dawk il-bdiewa?

…”familji sħaħ fl-għelieqi”

Kien żmien ieħor. La kien hemm mowbajls. It-telefon kien xi ħaġa li kien għadu qed jasal u l-istess it-televiżjoni.  Fi triqitna lura, kont tara r-raba’ mimli nies jaħdmu fih. Kienu jkunu familji sħaħ. Bit-tfal b’kollox. Illum dan spiċċa kollu.

Id-dehra ta’ bagħal bil-karettun, jew anke xi ħmara kienet komuni ħafna.  Illum tarahom biss fuq ir-ritratti jew stampi. Lebsin kappell tat-tibna f’rashom.  Ma rashom għal fuq għonqhom kien ikollhom maktur biex itaffi mill-qilla tax-xemx.

U fis-sema milwiem…..tarahom

iparpru lejn il-‘bejta’

U la ma kienx kienx hawn mowbajls u televiżjoni, dawn kienu nies li minn ħin għal ieħor tarahom iħarsu lejn is-smewwiet. Kultant iħarsu anke fiL-bogħod. Prattikament kienu jkunu qegħdin josservaw kif it-temp qiegħed jinbidel. Il-triq dik li huma kienu jsejħula l-‘bejta’, ma kinitx qasira.  Ta’ Ġanninu, l-Ezzerun, Kason,  il-Gagin, tal-Ġolla, tan-Nigra, tal-Lew, kont issibhom ta’ kuljum hemm għaddejjin bil-ħidma tagħhom.  Ibakkrulek.  Xi wħud kienu jinżlu bil-mutur tal-ħart b’karru warajh, jew bil-bagħal l-karettun. U kif jaraw il-kundizzjonijiet tat-temp jinbidlu, ilebbtu ‘lfuq.  Taħt l-irdum, kien ikun hemm Karmni ta’ Pietru, li kont taraha għaddejja b’merħla mdaqqsa ta’ nagħaġ u mogħoż.

‘Ġej in-New’

“Salv ġej in-New”.  Min jaf kemm smajtha. Kienet tfisser li l-maltemp fil-qrib. Kienu jaffaxxinawni kif iħarsu lejn is-sema, sħab, l-annimali jew il-baħar, u litteralment ixommu li l-maltemp kien riesaq.

Kienu josservaw il-kulur u l-għamla tas-sħab.  Meta kien ikun hemm sħab skur u tqil kien jitqies bħala sinjal ċar li ġejja x-xita. Sħab kbir u għoli kien kultant jindika maltempati. “L-iswed ibeżża u l-abjad ixebba”, kien spiss jgħidli. Meta s-sema kien miksi bis-sħab u r-riħ jibda jinbidel, in-nies kienu jistennew bidla fit-temp. Meta jaraw sħab irqiq bħal rix u li dan jibda jiżdied u jieħu l-forma ta’ linji twal kien jitqies bħala  sinjal li front ta’ temp ħażin u riħ qawwi qed jersaq.


Il-Lbiċ ibża’ minnu

‘Meta jkun Ilbiċ ibża’ minnu’. Kont spiss nisma’ lin-nannu jgħidha.  Riħ li minnu jseħħu maltempati qawwijin ħafna drabi b’ħafna xita. “Qiegħed itella’ mil-Lbiċ”. Meta kien jgħid hekk kien ifisser biex niġbru ħa nitilqu.

Hu riħ li bħal irjiħat oħrajn hemm marubtin miegħu diversi Qwiel Maltin.  Fost dawn ‘Il-Lbiċ riħ jew xita żgur iġib”.  “Il-beraq fil-Lbiċ ix-xita jġib”.

Ma’ dawn kienu spiss ukoll josservaw l-annimali. Dejjem bil-kelba tal-kaċċa magħna, ‘qed tħossu riesaq’ kien jgħidli. Dan għax il-kelba qisha bħal tikkwieta u tibda tfittex xi rokna għall-kenn.

 Meta l-għasafar kienu jtiru baxx, dan kien jiġi interpretat bħala sinjal li kienet se tagħmel ix-xita. Anki meta jara l-Gawwi jibda dieħel lejn l-art, kien jitqies bħala li fuq il-baħar hemm il-maltemp. 

Il-famużi Irwieġel….

Xi ħaġa li kienet issir mill-bdiewa, kienet it-tradizzjoni antika tal-Irwieġel.  Dawn kienu jintużaw biex ibassru t-temp għat tnax-il xahar tas-sena ta’ wara. Prattikament kull ġurnata mit-13 ta’ Diċembru sa’ lejlet il-Milied, kienu jirrappreżentaw xahar għas-sena li ġejja. It-tlettax-ta’ Diċembru kienet Jannar u tibqa’ sejjer.  Kull ġurnata kienet tinqasam fi tliet partijiet:  filgħodu – li kienet turi il-bidu tax-xahar, wara nofsinhar – li jiġi lejn nofs ix-xahar u filgħaxija jimmarka l-aħħar tax-xahar. F’dawn il-ġranet kienu josservaw it-temp ikunx imsaħħab, xemxi, bir-riħ jew xita u jirresġistaw kollox.  Dak li jiġri fit-13 ta’ Diċembru, kien jitqies bħala li se jirrepeti ruħu f’Jannar. Tradizzjoni folkloristika li llum inqatgħet, għalkemm għadha issib xi bdiewa li għadhom jipprattikawha.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport