Friday, February 3, 2023

Il-Banek jistgħu jkunu kruċjali fil-bidla lejn binjiet b’aktar effiċjenza enerġetika

Aqra wkoll

Il-Banek u dawk kollha involuti fil-qasam tal-kostruzzjoni u l-propjetà jridu jaħdmu flimkien biex isseħħ il-bidla lejn binjiet b’aktar effiċjenza enerġetika.

Dan intqal mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Dr Stefan Zrinzo Azzopardi meta kien qed jindirizza Business Breakfast organizzat mill-Bank of Valletta bl-isem “Climate Challenges & Opportunities for Real Estate: Time for Action”. Din il-konferenza trattat primarjament l-impatti tar-riskji tal-Klima u l-Ambjent fuq is-suq tal-propjetà u tal-kostruzzjoni.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi esprima sodisfazzjon li l-Bank of Valletta qed jirrikonoxxi l-importanza li jsir użu aktar effiċjenti tal-enerġija fil-binjiet li jinbnew fil-Gżejjer Maltin. Huwa saħaq fuq l-importanza li l-Gvern, il-komunità tan-negozji kif ukoll il-pajjiż inġenerali jaġġornaw il-livell ta’ effiċjenza tal-binijiet li jibnu. Il-Ministru stqarr li l-Gvern qed jagħti eżempju f’dan il-qasam hekk kif ftit ġimgħat ilu inawgura x-xogħol li sar biex  ill-binja ċentrali tad-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi magħrufa bħala Project House ġiet rinovata biex naqqset drastikament l-emmissjonijiet tagħha. Huwa qal ukoll li bħalma intużaw Fondi Ewropej għal din il-binja, se jkun hemm aktar fondi Ewropej disponibbli biex binjiet pubbliċi u kummerċjali jiġu rinovati għal aktar effiċjenza enerġetika.

Filwaqt li enfasizza li s-settur tal-kostruzzjoni u tal-propjetà jeħtieġ li jevolvu biex jindrizzaw dawn ir-realtajiet ambjentali, huwa appella li l-partijiet kollha involuti b’mod speċjali l-banek biex jingħaqdu flimkien ħalli din il-bidla tkun tista’ sseħħ. B’dan il-mod tkun qed tingħata wkoll spinta ‘l quddiem il-kwalità tal-bini li nibnu.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li l-banek jilagħbu rwol kruċjali f’dan kollu għaliex huma jiffinanzjaw il-parti l-kbira tax-xiri tal-proprjetà kemm residenzjali kif ukoll kummerċjali. Fid-dawl ta’ dan, huwa saħaq li jeħtieġ titfassal strateġija mill-banek biex l-obbligi marbuta mal-effiċjenza enerġetika fil-bini jkunu osservati u obduti minn kulħadd.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tenna li mil-lum il-quddiem iċ-ċertifikat dwar l-effiċjenza enerġetika f’kull binja magħruf bħala EPC, se jiġi aġġornat u ser jibda jingħata aktar importanza. Għalhekk, aktar minn qatt qabel qed jinħass il-bżonn li l-konsumaturi li jkunu se jixtru propjetà jkunu jafu l-livelli ta’ effiċjenza tal-propjetà tagħhom. Dan jiggarantixxi li l-binjiet tagħna jkunu aktar ekoloġiċi u sostenibbli. Biex dan iseħħ hemm bżonn li jidħlu fis-seħħ bidliet sostanzjali fil-mod kif wieħed jaħseb, jaġġixxi u jġib ruħu, meta jkun se jixtri propjetà.

Delicious

Sport