Thursday, March 28, 2024

IL-BINI U L-ISPEKULAZZJONI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Hu minnu li b’mod “naturali” fi gżira ċkejkna bħal tagħna, fejn l-art hi skarsa, l-art u l-bini jidhru bħala l-aktar investiment li jista’ jħalli qligħ. U hu l-aktar wieħed żgur, għax il-bini mhux bħall-flus jew bħall-ishma fil-kumpaniji – jibqa’ hemm. Anke meta jinqered b’xi gwerra, jista’ jerġa’ jinbena. 

Il-ħsieb ta’ min jinvesti jkun ukoll li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar se jiżdied il-valur ta’ dan l-investiment. Għar-raġuni li l-art dejjem qed issir skarsa. Aktar ma l-art tiskarsa, aktar se jogħla l-prezz tagħha.

Mistoqsija li tqum hi: x’jiġri jekk fl-aħħar l-art kollha li hi tajba għall-bini tiġi eżawrita? Nimmaġina li fl-aħħar fażi qabel tkun spiċċat għal kollox, il-prezzijiet/valur tagħha jibqa’ tiela’ b’rata inkredibillment qawwija. Imbagħad jista’ jkun hemm biss il-bejgħ u xiri ta’ art li diġà qed tintuża.

Nimmaġina li f’dak il-mument l-iżviluppi ma jibqgħux ta’ natura soċjali u ekonomika. Mhux ħaġa kbira li tiskatta mill-qiegħ revoluzzjoni ħarxa.

PEDOFILJA

Li xxokkja fl-iskandlu tal-pedofelija fil-Knisja Kattolika ta’ Franza kien il-firxa wiesgħa tal-abbużi li ġew rapportati, in-numru ta’ nies involuti bħala li abbużaw mit-tfal (ta’ kull grad fil-ġerarkija tal-Knisja) u t-tul ta’ żmien li matulu l-abbużi baqgħa jitwettqu.

L-iskala ta’ li ġie rappurtat iddaħħal is-suspett li l-inċidenti rappurtati jinfirxu lil hinn minn knisja u b’mod jew ieħor mas-soċjetà Franċiża kollha. Jew hemm/kien hemm nuqqas ta’ kuxjenza dwar kif it-tfal jistgħu jiġu esplojtati sesswalment jew kien hemm tolleranza moħbja għal x’kien qed jiġri fil-familji.

Imma tibqa’ taħseb fuq il-biċċa, ikollok tiġġeneralizza lil hinn mis-soċjetà Franċiża u tqis is-soċjetà Ewropea kollha kemm hi, inkluż f’Malta.

Għax kemm nistgħu ngħidu li f’Malta dit-tebgħa ma eżistietx u ma teżistix? L-omertà mhijiex xi monopolju tal-ġerarkija Kattolika Franċiża. Kif nafu, teżisti f’Malta wkoll.

SIĠAR

Biex nibqgħu fi Franza. Interessanti ħafna l-pjan li tħabbar f’Pariġi biex fil-ħames snin li ġejjin, jitħawlu 170,000 siġra fil-bankini tal-belt. Dan se jitgħaqqad mal-pjan biex kemm jista’ jkun jiżdiedu ż-żoni pedonali fil-belt ħalli n-nies ikollha ambjent aħjar fejn tgħix u l-belt innifisha tkun qed tikkontribwixxi għall-ħarsien ekoloġiku.

Dix-xejra ta’ ħsieb ilha tiżviluppa hemm. Se jiġi attwat pjan biex ix-Champs Elysees, forsi l-aktar boulevard magħruf, isir ġnien pedonali. Dan f’belt li diġà għandha man-nofs miljun siġra. Ninsab kurjuż nara personalment kif sejrin l-affarijiet. Ma jidhirx li kien hemm wisq tgergir dwar hekk.

Għalkemm ambizzjuż, il-pjan għal daqstant siġar ġodda hu fattibbli u jagħmel sens. La f’Pariġi iva, għax mhux ukoll f’Malta?

Ekonomija

Sport