Il-budget għas-sena 2024 mistenni li jkun wieħed espansjonarju u se jibqa’ hekk b’mod sinjifikanti. Dan ifisser li l-Gvern se jkun qiegħed jinjetta flus fl-ekonomija aktar minn kemm qiegħed jiġbor. Madankollu dan irid jinġieb fl-istess linja mar-regoli tal-Unjoni Ewropea.
Dettalji dwar il-budget li jmiss ingħataw mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana meta kien qiegħed jindirizza lill-imsieħba soċjali waqt li dawn ressqu l-proposti tagħhom għall-budget f’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).
Il-Ministru Caruana beda biex innota li d-dinja għadha qiegħda tesperjenza problemi relatati mas-supply chain wara l-pandemija u anke b’riżultat tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Sostna li dan kellu effett dirett fuq l-inflazzjoni.
Huwa nnota wkoll li l-prezz tad-dollaru tal-barmil qiegħed jerġa’ jiżdied. “Sa madwar xahrejn, tliet xhur ilu, il-prezz ta’ barmil żejt kien dak ta’ madwar 70 dollaru. Illum qabeż id-90 dollaru,” spjega l-Ministru Caruana.
Huwa żied isemmi li l-inflazzjoni għadha ‘l bogħod milli terġa’ lura għal dak li kienet qabel, jiġifieri fil-livell ta’ 2%. Qal ukoll li għal din is-sena, il-pajjiż qed jimmira li jkollu defiċit ta’ madwar 5%.
“Il-mod kif irridu nfasslu l-politika finanzjarja trid tkun tali li tirrispetta bis-sħiħ ir-regoli tal-UE. Minn issa ‘l quddiem irridu nidħlu f’fażi fejn inġibu l-kontijiet tagħna f’linja ma’ dawn ir-regoli,” tenna l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol.
Fi tmiem l-intervent tiegħu, il-Ministru Caruana rrimarka li hu fl-interess ta’ kulħadd li l-inflazzjoni tonqos u li l-finanzi tal-pajjiż speċjalment id-dejn pubbliku jibqa’ taħt il-limiti stabbiliti, jiġifiri taħt is-60%.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul qal li f’din il-laqgħa se jiġu diskussi l-proposti tal-imsieħba soċjali għall-budget 2024, appuntament ta’ kull sena li jixhed l-importanza tad-djalogu soċjali kontinwu u attiv f’pajjiżna. Ir-rispons mill-imsieħba soċjali ġew miġbura fi 80 miżura li kienu diskussi waqt il-laqgħa.
Sadanittant, is-Segretarju Parlamentari Ellul tenna li jħares ‘il quddiem biex fil-ġranet li ġejjin ikomplu jiddiskutu magħhom dwar kif l-aħjar jidħlu fis-seħħ ir-regolamenti biex ikunu irregolati t-temping agencies, li huma dawk l-aġenzija f’pajjiżna li jġibu ħaddiema barranin.