Tuesday, December 24, 2024

Il-Fakultà tal-Liġi tal-Università ttemm l-ewwel fażi ta’ riċerka dwar il-Liġijiet tal-Kostruzzjoni f’Malta

Aqra wkoll

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi ġie ppreżentat bl-ewwel rapport tar-riċerka li saret mill-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta biex isir kompendju tal-liġijiet li jolqtu s-settur tal-kostruzzjoni. Dan wara li f’Mejju li għadda kien ġie iffirmat memorandum of understanding (MoU) bejn il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u l-Università ta’ Malta bil-għan li dan iwassal għal aktar tisħiħ u konsolidament tal-liġijiet li jirregolaw il-kostruzzjoni f’Malta.

Ir-riċerka ġiet ikkordinata mil-Lettur fid-Dritt Ċivili Dr Kurt Scerri fi ħdan il-Fakultà tal-Liġi.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li kien hemm ħtieġa li liġijiet u regolamenti marbuta mas-settur tal-kostruzzjoni jinġabru f’pubblikazzjoni waħda. Din il-ġabra ta’ liġijiet u regolamenti għandha tiġi aġġornata b’mod regolari. Dan l-eżerċizzju iservi ta’ għajnuna għal kull min b’xi mod jaħdem f’dan is-settur u joffri punt tajjeb ta’ referenza. Se jservi wkoll bħala bażi tajba biex issir analiżi għal varji liġijiet u regolamenti li saru fi żminijiet differenti. Dan il-proċess ta’ analiżi se jservi b’mod importanti fil-proċess ta’ tisħiħ ta’ regolamenti li qed iwettaq il-Gvern għas-settur tal-kostruzzjoni.

Min-naħa tiegħu, Dr Scerri qal li dan l-eżerċizzju maħsub mill-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar qed jagħmel analiżi ta’ liġijiet varji viġenti u jixħet dawl fuq potenzjali inkonsistenzi leġiżlattivi li jistgħu jeżistu fil-preżent, filwaqt li jressaq proposti biex jindirizzahom għall-benefiċċju tal-parteċipanti kollha fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-pubbliku inġenerali kif ukoll jagħti aktar kjarezza legali.

Dr Scerri innota wkoll illi filwaqt li skond l-ewwel regolamentazzjoni, dik tal-Kodiċi Ċivili, il-ħarsien tar-regoli dwar il-kostruzzjoni kienet materja li kellha tiġi riżolta bejn iċ-ċittadini privati nfushom, maż-żmien beda’ ħiereġ l-interess ċar tal-istat f’isem iċ-ċittadini kollha. Ir-regolamentazzjoni tas-settur tal-kostruzzjoni għalhekk saret fuq kollox materja pubblika, żied jgħid Dr Scerri.

Ir-riċerka mħejjija mill-Fakultà tal-Liġi ser tkun online fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar kif ukoll fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA.

Ekonomija

Sport