Thursday, May 16, 2024

“Il-ftit li qegħdin jabbużaw jistgħu jipperikolaw l-kompetittività tagħhom u tal-pajjiż”

il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif fl-Unjoni Ewropea kien hemm nifs ta’ sodisfazzjon meta mill-aħħar tbassir tal-Kummissjoni Ewropea sar magħruf li l-Ewropa se tevita ir-riċessjoni hekk kif l-inflazzjoni deher li laħqet il-quċċata tagħha u fl-aħħar ġimgħat bdiet tnaqqas. Minkejja dan, hemm twissijiet ċari kemm minn ekonomisti u anke mill-istess Kummisjsoni Ewropea li l-inflazzjoni se tibqa’ fuq il-5 fil-mija. Ma’ dan ukoll għadd ta’ kumpaniji kbar tal-ikel qegħdin iwissu li għadd ta’ prodotti tal-ikel se jibqgħu jiżdiedu fil-prezz.

F’pajjiżna lukandieri li tkellmu ma’ talk.mt, iddikjaraw b’mod ċar li hu ta’ sodisfazzjon li qegħdin jaraw it-turisti jiżdiedu b’mod partikolari l-infieq. Lukandier qalilna li “naħseb li l-aktar fattur pożittiv li qegħdin naraw hu żieda fl-infieq. It-turist li ġie jgawdi l-pajjiżna fl-aħħar xhur qed iżid l-infieq tiegħu ras għal ras. Naħseb imma li rridu nagħtu każ, lil min qed jabbuża. Għandna ftit fis-suq li ħadu vantaġġ mill-inflazzjoni. Dan jista’ jagħti isem ħażin lil din l-industrija.”

talk.mt tkellmet mal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo dwar il-kwistjoni marbuta ma’ abbużi minn sezzjonijiet fil-qasam tal-ospitalità. Fi kliemu stess, “il-ftit li qegħdin jabbużaw jew jaraw sal-ponta ta’ mnieħerihom jistgħu jipperikolaw l-kompetittività tagħhom fl-istess settur u possibiliment tal-pajjiż inġenerali.”

Waqt li hu previst li t-turiżmu fl-Ewropa jerġa’ jiġi għal livelli li kellu qabel bdiet il-pandemija fis-sena 2025, il-previżjonijiet għas-sena 2023 u s-sena 2024 huma pożittivi ħafna, bis-settur hu mistenni jkompli jirkupra dak li kien intilef.

Sorsi qrib is-settur qalilna li “l-vjaġġi għal distanzi qosra bl-ajru jinsabu b’saħħithom ħafna. Għadu ma irkuprax mija fil-mija imma qed jikber b’rata b’saħħitha. Fejn jidħlu vjaġġi bl-ajru ‘long haul’ hemm hekk għax hemm sitwazzjoni fejn bżonn aktar żmien.

S’issa is-settur tat-titjiriet ‘long haul’ kien għadu dgħajjef. Dan kien qed iseħħ minħabba żieda fl-ispejjeż. Apparti dan kellek il-biża fost il-vjaġġaturi li jivvjaġġaw għat-tul minħabba l-Covid19. Qisu mit-tielet kwart tas-sena li għaddiet, qegħdin naraw li l-passiġġieri u d-domanda għal vjaġġi ‘long haul’ qed tiżdied ukoll. Rajna l-ftuħ ta’ rotot fl-Asja b’mod partikolari miċ-Ċina u l-Indja. Nistennew li dan, anke bi sforz qawwi minn pajjiżna f’dawn il-pajjiżi, nistgħu biex inkomplu nirkupraw fuq dak li kien antilef”.

Vaganzi itwal…..aktar infieq

talk.mt tkellmet mal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo. Staqsejnieh kif wieħed mill-fatturi interessanti li jidher li qed joħroġ mill-istatistika hu dak li għas-sena 2022 meta tqabbilha mas-sena 2019, issib li l-ammont ta’ ljieli li t-turisti qed iqattgħu f’pajjiżna tela’ minn 7 għal 7.3 iljieli.

Il-Ministru Bartolo jgħidilna li “ż-żieda marġinali fl-iljieli rreġistrata hija dovuta għal fatt li peress li fl-ewwel erba’ xhur it-turiżmu kien għadu limitat minħabba l-mewġa tal-varjant Omicron, perjodu li huwa meqjus għal short breaks, is-sena l-oħra kien hemm slight bias favur is-sajf fejn jittieħdu main annual holiday itwal.”

Nistaqsuh dwar iż-żieda fl-infieq ras għal ras, li hi żieda pjutost qawwija u telgħet minn €807 ras għal ras fis-sena 2019 għal €880 fis-sena 2022. Dwar dan il-Ministru Bartolo iddikjara li “dan seħħ għax l-istrateġija qegħda bbażata li nattiraw iżjed turiżmu ta’ kwalità fil-valur li jħalli fl-ekonomija Maltija. L-għan tagħna għas-snin li ġejjin ser ikun immirat li noffru iżjed valur għal flus lit-turist li jiġi jżurna.

Minkejja l-kuntest internazzjonali u r-rata ta’ inflazzjoni huwa ta’ sodisfazzjon kbir li qegħdin nattiraw dan it-tip ta’ turist lejn pajjiżna.”

Jitkellem dwar l-inflazzjoni u abbużi fil-prezzijiet u jgħid li ‘filwaqt li l-maġġoranza tal-istabbilimenti msemmija qegħdin iħarsu l-kompetittività tagħhom f’dan l-aspett, il-ftit li qegħdin jabbużaw jew jaraw sal-ponta ta’ mneħerihom jistgħu jipperikolaw l-kompettivita tagħhom fl-istess settur u possibilment tal-pajjiż inġenerali.”

Jirriżulta minn l-aħħar statistika dwar it-turiżmu pubblikata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li s-sena l-oħra żaru pajjiżna mad war 2,330,000 turist. Dan ifisser li b’hekk inqabżet il-mira li sal-aħħar tas-sena jkunu ġew attirati 2.2 miljun turist.

Meta mqabbel mal-aqwa sena għat-turiżmu f’pajjiżna, jiġifieri l-2019, pajjiżna rkupra kważi 84 fil-mija tat-turisti. Waqt li inqabeż l-għadd ta’ turisti li żaru pajjiżna fl-2017, sena meqjusa pożittiva ħafna għat-turiżmu f’pajjiżna, ir-riżultati juru li l-irkupru turistiku jiżboq b’20 fil-mija l-irkupru tat-turiżmu madwar id-dinja kollha b’4 fil-mija lil dak tal-Ewropa.

L-aqwa suq għal pajjiżna kien dak tar-Renju Unit, li minnu żaru pajjiżna 427,005 turisti. Warajh ġie s-suq Taljan bi 398,198 turist u wara jsegwi s-suq Franċiż li minnu ġew 258,372 turist.

1 kumment

  1. Restaurant fil main road ta bugibba kellu prezzijiet ta HALF CHICKEN €9.50 c.Gimgha wara listess ikla saret €14.50c.Bir ragun igergru in nies.DAWN X’KONT TAD DAWL QED IHALSU.Ministeru tat turizmu hudu passi.

Comments are closed.

Sport