“Qegħdin jitolbuna ħlas ta’ €1,000. Dan biex iġibulna lill-qraba tagħna f’Malta u jkollhom xogħol f’Malta garantit. Ħallasna il-flus, għaddew diversi xhur u ma smajna xejn mingħandhom. Qegħdin nippruvaw nikkuntattjawhom imqar għal ftit tagħrif jew dwar xi żviluppi. Nixtiequ jkollna sodisfazzjon għall-flus li ħallasna, iżda mhux ikollna. L-€1,000 li ntlabna nħallsu saru bħala ħlas għas-servizz ta’ dawn il-persuni biex suppost jagħmlu l-kuntatti u jaraw li qrabatna jinġiebu magħna u jkollhom xogħol. Inkwetati ħafna, għax minkejja li ħallasna dawn il-flus, s’issa ma sar xejn. Inħossuna li ġejna misruqin sfaċċatament u bħalna hawn oħrajn ukoll. Aħna ersaqna nitkellmu għax nafdaw lill-GWU ”.
Din hi l-karba ta’ għadd ta’ persuni Indjani f’pajjiżna. IT-TORĊA iltaqgħet magħhom proprju fl-aħħar jiem. Erba’ persuni. Tlett żgħażagħ maskili u mara. Juruna s-suppost kuntratti u d-dokumenti li ngħataw.
Introduċieni mal-kumpanija Nepaliż
Naraw id-dokumenti u fihom tara l-isem ta’ kumpaniji li qegħdin jintużaw u li jitolbu dawn il-flus biex iġibu persuni u qraba ta’ Indjani f’Malta għax-xogħol. Jidher li biex jaslu għal dan il-persuni u kumpaniji imsemmija qed jużaw persuni Indjani jew minn Nepal. Il-veru każ fejn barrani qed jintuża biex jisfruttaw barranin bħalhom. Nistaqsihom kif wettqu l-ħlas u jkunu pronti juru r-Revolut, li fih hemm il-ħlas li sar xhur ilu. Ħlas ta’ €1,000 għal kull persuna li kellha tiġi taħdem hawn.
Nitkellmu mal-persuni femminili (se nżommu l-identità tagħha mistura minħabba l-kunfidenzjalità). Dwar kif ġiet f’kuntatt ma’ dawn in-nies li qegħdin jitolbu dawn il-flejjes, il-persuna tgħidilna li “jien kien qalli bihom persuna minn Nepal li kien jafhom. Jien għamilt kuntatt magħhom u qaluli li jistgħu iġibu l-familja tiegħi. Qaluli li l-ħlas għal dan is-servizz, hu ta’ €1,000 kull persuna. Dawn iwegħduk li meta l-persuna li tgħożż tiħi hawn se jkollha kollox lest specjalment ix-xogħol. Ħallast il-flus bir-revolut, imma issa għaddew diversi xhur u ma sar xejn. Anzi agħar minn hekk żammewni fid-dlam”
Nistaqsuha għamlitx kuntatti ma’ dawn il-persuni li ħadu dawn il-flus, u hi tgħidilna li “iva għamilt kuntatt magħhom diversi drabi. Huma dejjem jgħiduli li ma jafux meta se jinġiebu f’Malta imma l-proċess miexi. Meta staqsejtu għalfejn ħallast €1,000 qalli li dan sar bħala ħlas għas-servizz tiegħu biex applikaw ma’ Identity Malta.”
Ħallset €3,000 għal tlett ħutha….
….dan seħħ tmien xhur ilu
Turina l-ħlasijiet li għamlet. B’kollox €3,000. Nistaqsuha għaliex €3,000 u hi twieġeb li “dawn għat-tlett ħuti. Wegħduhom xogħol u li se jgħinuhom jiġu u sal-lum baqa’ ma sar xejn. Daħku bija, tradewni”.
Induru fuq il-persuni l-oħra. Jitkellmu dwar kif huma wkoll ħallsu l-flus biex jinġiebu xi qraba iżda għaddew ix-xhur. Dawn ukoll m’għandhom ebda ħjiel ta’ meta dawn se jinġiebu f’pajjiżna.
Jgħidulna li qed nippruvaw nagħmlu kuntatt ma’ dawn il-persuni u mhux dejjem hu faċli li titkellem magħhom. Jgħidulna biex nistennew għax bħalissa mhux faċli li ssib xogħol għal dawn il-persuni. Jgħidulna niehdu paċenzja u nibqgħu nistennew. Sadanittant għaddejin ix-xhur u flusna ma nafux x’sar minnhom.
Jintervjenti Brian Bonniċi s-Segretarju tat-Taqsima Ospitalita u Ikel tal-GWU
B’intervent ta’ ħaddiem ieħor barrani li huwa membru fi ħdan il-GWU dan il-każ spiċċa quddiem it-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-GWU li fiha tiġbor numru kbir ta’ persuni barranin. Is-Segretarju tat-Taqsima Brian Bonniċi Bonniċi qal lil IT-TORĊA li l-GWU kontinwament qed tagħti sapport kbir u kontinwu lit-TCN’s , u li kuljum qed jiltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet diffiċli għal dawn il-persuni. Huwa qal li ħadd ma jista’ jiċħad il-fatt li f’pajjiżna żgur għandna ħtieġa ta’ ħaddiema barranin minħabba d-domanda ta’ xogħol, biss ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem dawk li qed jisfruttaw b’mod qarrieq is-sitwazzjoni u jabbużaw mill-vulnerabbli. Dawn li qed jisfruttaw ma ħaqqhomx rispett u l-GWU se tkun protagonista wkoll f’din il-ġlieda bħalma kienet protagonista f’kull ġlieda oħra favur is-sewwa u l-ġustizzja.
“Aħna ma nistgħux ninjoraw, ma nistgħux nibqgħu siktin, jekk le insiru kompliċi. Aħna lkoll obbligati nieqfu quddiem kull abbuż lil hinn min-nazzjonalità jew kulur tal-ġilda. Din hija parti mill-vokazzjoni tagħna favur ġustizzja soċjali. Dan huwa parti mit-twemmin tal-GWU. Il-GWU ma tistax tabdika u tibqa’ siekta quddiem, dak li għaddejjin minnu dawn il-persuni. Ma nistgħux inħallu nies abbużati jgħixu f’ansjetà u qtigħ il-qalb. Bħalma dejjem qbiżna għal kawża tal-ħaddiem Malti, aħna se nibqgħu obbligati wkoll naqbżu għall-kawża tal-ħaddiema barranin li qed jaħdmu f’Malta legalment ”.
F’din il-laqgħa li saret fil-WMB il-Belt u li kont preżenti għalija, ġew ukoll analizzati id-dokumenti kollha provduti u dlonk sar kuntatt mal-kumpanija li tissemma’ fihom. Dak li wieġeb it-telefon meta mistoqsi minn Bonniċi għall-persuni li talbu u ħallsu l-€1,000, għall-ewwel dan waqaf ftit. Wara bi tlaqliq qal li lil dawn il-persuni ma jafhomx u li qatt ma sema bi ħlasijiet simili.
Għad-dikjarazzjoni li ma jafhomx, il-persuni Indjani iħarsu lejn xulxin, donnhom lanqas iridu jemmnu x’kienu qegħdin jisimgħu. Kien hawn li Brian Bonniċi f’isem il-GWU, ma ddejjaqx jidentifika ruħu u jgħidlu li isem il-kumpanija tiegħu hi msemmija f’dokument fejn persuni talbu ħlas biex jinġiebu persuni f’Malta. Tah cans iwieġeb u assigurah li jekk ma kienx se jirċievi lura mingħandu fi ftit ħranet kien lest li jeskala l-każ. Bonniċi wissieh ukoll li wara dan il-perjodu li tah, il-każ kien jispiċċa għand l-awtoritajiet konċernati. Hawn il-persuna barranija mill-kumpaniija beda jlaqlaq u talab li tintbgħatlu imejl. Bonniċi wieġbu li flok ma talbu l-email kien imissu jwieġeb billi jiċħad jew jikkonferma dak li għarrfu bih. Qallu wkoll li l-Union qed tistenna tweġiba ċara f’isem dawn il-vittmi. Sal-lum wara li għaddew ftit ġranet u sakemm morna għall-istampa ma kien hemm l-ebda tweġiba mill-kumpanija involuta u lanqas miż-żewġ persuni nvoluti li rċevew il-flus.
Meta mistoqsi minn IT-TORĊA x’se jkun il-pass li jmiss is-Segretarju tat-Taqsima Opsitalità u Ikel tal-GWU qal li issa kien lest għal pass li jmiss u se jmur għand l-awtoritajiet. Huwa tenna li l-GWU ma tistax tibqa’ siekta quddiem abbużi fuq il-ħaddiema u fuq persuni vulnerabbli. L-Union ma tistax taccetta’ dawn l-abbużi, jekk xejn ghax dawk li qed jippreżentaw lilhom bħala Aġenziji tax-Xoghol ma jistgħux iwegħdu impjiegi f’Malta u ħwejjeġ li mhux fil-kontroll tagħhom.
“Aħna ma nistgħux nittolleraw li ħaddiema jiġu abbużati sfaċċatament u jinsterqu b’dawn il-modi”.


