Thursday, December 26, 2024

Il-Ħarifa fetħet b’temp iżjed xott min-norma klimatika

Aqra wkoll

Wara li Awwissu sellem is-sajf meteoroloġiku bix-xita u s-sajjetti, ix-xahar ta’ Settembru laqa’ l-ħarifa meteoroloġika b’temp iżjed xott u sħun min-norma klimatika. Fil-fatt, matul ix-xahar li għadda, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel biss 37.8 mm xita, jiġifieri 21.4 mm inqas min-norma klimatika.

It-23 ta’ Settembru kien l-aktar jum imxarrab, meta fi ftit sigħat tkejlu 11.8 mm xita. L-istess jum kien l-aktar wieħed imdallam tax-xahar, bl-osservaturi tat-temp ikejlu inqas minn siegħa waħda xemxija. Minkejja xi ftit xita ‘l hemm u ‘l hawn,  l-ebda maltempata bis-sajjetti ma laqtet lill-Gżejjer Maltin f’Settembru u dan meta l-medja tax-xahar hija ta’ erba’ maltempati.

Settembru magħruf ukoll għar-riħ isfel. L-umdità għolja, magħġuna ma’ nuqqas ta’ riħ u sema sabiħ b’nuqqas ta’ sħab, għamlu l-ingredjenti perfetti biex f’jumejn waqa’ wkoll iċ-ċpar.

Ġaladarba semmejna r-riħ isfel, ħarsa lejn it-temperaturi turina kif it-temperatura medja matul ix-xahar li għadda kejlet 25.5°C, jiġifieri ftit ogħla min-norma klimatika (24.9°C) għal Settembru. Il-ħames jum tax-xahar kien l-aktar wieħed sħun, hekk kif it-temperatura baqgħet tiela’ sa 34.2°C, filwaqt li l-inqas temperatura tkejlet fil-15 ta’ Settembru u niżlet sa 18.1°C.  Il-baħar baqa’ grad aktar sħun min-norma klimatika, bit-temperatura medja mkejla f’wiċċ il-baħar tkun dik ta’ 27.2°C.

Settembru kien ukoll ftit iżjed mirjieħ min-norma, bil-medja tal-qawwa tar-riħ tkun dik ta’ 8.4 knot. L-aktar buffura tar-riħ b’saħħitha nefħet mill-Punent il-Lbiċ, l-għada tal-Vitorja, u laħqet it-38 knot.

Ekonomija

Sport