Tuesday, December 24, 2024

“Il-Kummissjoni Ewropea għandha toffri soluzzjonijiet konkreti dwar l-immigrazzjoni irregolari”

Aqra wkoll

Waqt laqgħa mal-Kummissarju Ewropew dwar l-Immigrazzjoni l-MEP Laburista Miriam Dalli insistiet dwar soluzzjonijiet konkreti li jistgħu jindirizzaw l-immigrazzjoni fil-Mediterran

“Minħabba l-imxija tal-COVID-19, kull pajjiż qed jieħu miżuri biex jipproteġi l-fruntieri tiegħu. Il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa ma jistgħux jimmaniġġjaw il-kriżi waħedhom, aħseb u ara pajjiż b’popolazzjoni densa  bi spazju limitat bħal Malta,” iddikjarat Miriam Dalli.

Dan kien il-messaġġ li wasslet il-kap tad-delegazzjoni tal-Partit Laburista Miriam Dalli, f’laqgħa li kellha it-Tnejn li għadda mal-Kummissarju Ewropew għall-Migrazzjoni Ylva Johansson.

L-MEP Maltija Miriam Dalli insistiet li Malta ma tistax u m’għandhiex titħalla waħedha, speċjalment f’dawn il-mumenti ta’ kriżi. 

Miriam Dalli talbet laqgħa mal-Kummissarju Johansson minħabba s-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni fil-Mediterran u wara li kelliem tal-Kummissjoni ddikjara li kien f’idejn Malta u l-Italja li jiddeċiedu fejn għandhom jiżbarkaw l-immigranti irregolari traffikati mil-Libja.

Miriam Dalli insistiet li filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea tgħid li tista’ tikkoordina r-rilokazzjoni, ir-realtà hija li ftit huma l-immigranti li fil-fatt qed jiġu rilokati fi Stati Membri differenti tal-Unjoni Ewropea.

“Malta ilha tispjega li r-riżorsi u l-ispazju ta’ pajjiżna huma dak li huma. Malta dejjem kienet responsabbli, iżda din ir-responsabiltà ma tistax tinġarr minn Malta jew xi ftit pajjiżi,” insistiet Dalli.

It-Tnejn wara nofsinhar, Johansson u Dalli iddiskutew fit-tul is-sitwazzjoni fir-rotta tal-Mediterran Ċentrali, b’enfasi partikolari fuq is-sitwazzjoni fil-Libja. Il-Kummissarju Johannson qalet li s-sitwazzjoni fil-Libja qiegħda fuq nett tal-aġenda u rreferiet għal numru ta’ diskussjonijiet li saru mal-awtoritajiet Maltin. Waqt li rrikonoxxiet is-sitwazzjoni fil-Libja l-Kummissarju Johansson qalet li l-laqgħa tal-llum tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin ser tiddiskuti s-sitwazzjoni fil-Libja.

Il-Kummissarju Johansson qalet ukoll li l-Kummissjoni Ewropea qed taħdem biex tipprovdi fondi ħalli tindirizza r-rotot migratorji li ġejjin mil-Libja. Johansson żiedet tgħid li l-Patt dwar il-Migrazzjoni l-ġdid jista’ jipprovdi “il-momentum politiku” meħtieġ għal diskussjonijiet politiċi bejn il-pajjiżi Ewropej.

Waqt il-laqgħa, Miriam Dalli talbet għall-intervent tal-Kummissjoni Ewropea biex persuni li mhumiex intitolati għall-protezzjoni jintbgħatu lura. Dan hekk kif il-pajjiż ta’ oriġini ta’ dawn il-persuni jagħmel ir-ritorn diffiċli. Il-Kummissarju Ewropew qalet li l-UE se tagħmel użu sħiħ mill-għodod politiċi disponibbli biex pajjiżi terzi jgħinu ħalli r-ritorn iseħħ malajr u b’mod effiċjenti.

Miriam Dalli talbet ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu rwol proattiv fil-ġlieda kontra l-kuntrabandisti fil-Libja. Il-Kummissarju Ylva Johansson qalet li f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea se tkompli taħdem fuq pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-kuntrabandu tal-bnedmin.

Ekonomija

Sport