Thursday, March 28, 2024

Il-Kummissjoni Ewropea tapprova l-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta

Von der Leyen kellha kliem ta’ tifħir għall-Pjan ta’ Malta u fissret li dan huwa wieħed mill-aktar pjanijiet favur l-ambjent fl-UE

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Ewropea approvat il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta li jammonta għal €316 miljun. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen.

Ftit tax-xhur ilu l-Gvern kien ħabbar il-pjan ta’ Malta għall-Irkupru minn Fondi Ewropej, biex isiru riformi u investimenti meħtieġa f’diversi oqsma li jinkludu t-trasport sostenibbli, id-diġitalizzazzjoni, l-effiċjenza enerġetika tal-bini u investimenti oħra fis-saħħa u fl-edukazzjoni.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru beda billi rringrazzja lil Ursula Von der Leyen tal-preżenza tagħha f’Malta.

“Huwa wara kollox grazzi għalik u għat-tim dedikat tiegħek li nistgħu nkunu hawn flimkien. L-akkwist tal-kwantità suffiċjenti ta’ vaċċini siguri u effettivi kontra Covid-19, l-introduzzjoni taċ-ċertifikat diġitali għal ivvjaġġar sikur, il-pjan ta’ rkupru biex tingħata spinta lit-tkabbir u jappoġġja liċ-ċittadini, l-appoġġ imtejjeb għas-sistemi tas-saħħa tal-istati membri. Dawn il-miżuri u aktar juru l-effettività tar-rispons robust tal-UE għall-pandemija,” qal Abela.

Semma kif grazzi għall-isforzi kkoordinati tal-UE, illum Malta rnexxielha tlaqqam aktar minn 91% tal-popolazzjoni tagħha.

Abela qal kif minkejja l-isfidi tal-pandemija, il-gvern żgura li l-ekonomija Maltija tibqa’ sejra tajjeb. Dan hekk kif fil-bidu tal-pandemija l-gvern aġixxa malajr u implimenta strateġija mmirata biex tipproteġi s-saħħa filwaqt li ttaffi l-effetti ekonomiċi negattivi kawża tal-pandemija.

Waqt il-konferenza Abela semma n-numri ta’ miżuri li l-gvern implimenta waqt il-pandemija biex jappoġġja lin-negozji u n-nies. Fost l-oħrajn semma waħda mill-miżuri ekonomiċi ewlenin li hija dik tas-suppliment tal-paga. Semma wkoll kif introduċu l-iskema tas-sussidju għall-kera u l-elettriku filwaqt li ġew introdotti żewġ skemi ta’ vawċers immirati biex jappoġġjaw in-negozju u jinkoraġġixxu n-nefqa tan-nies. Abela qal li bħala gvern se jkomplu jsaħħu dan l-appoġġ għas-snin li ġejjin.

Il-Prim Ministru fisser li bħala gvern iddeċiedew li total ta’ €189 milljun mill-faċilità ta’ rkupru u reżiljenza tagħna se jmorru għal riformi u investimenti li jindirizzaw “climate neutrality”. Qal li dan jenfasizza l-impenn tal-gvern f’dan il-qasam.

Semma wkoll li dan il-pjan se jara l-implimentazzjoni ta’ riformi importanti f’Malta inklużi dawk relatati mal-immaniġġjar tal-iskart, trasport, edukazzjoni, trasformazzjoni diġitali u innovattiva u f’dak li għandu x’jaqsam saħħa, fost oħrajn.

Fost l-oħrajn tkellem dwar il-fatt li Malta diġà tinsab fil-ħames post fl-indiċi tad-“digital, economy and society index, lfejn Malta tinsab ‘il fuq mill-medja tal-UE fil-ħames dimensjonijiet kollha ta’ dan l-indiċi.

Il-Prim Ministru qal li filwaqt li l-isfidi li niffaċċjaw mhumiex żgħar, u l-potenzjal tagħna jista’ jkun kemmxejn limitat, l-isforz tagħna la huwa insinifikanti u lanqas nieqes.

Qal li bħala gvern jinsabu impenjati li jnisslu bidliet fl-imġieba lejn prattiki aktar favur il-klima u prattiki sostenibbli bħala parti mill-isforz ħolistiku biex Malta ssir “carbon neutral.”

Il-Prim Ministru qal li mindu ħa l-kariga, din l-amministrazzjoni kienet fi proċess kostanti u konsistenti biex tiġi protetta s-saltna tad-dritt. Qal li r-riformi sinifikanti li ġew implimentati biex tissaħħa id-demokrazija u d-diversi istituzzjonijiet biex jipproteġu s-saltna tad-dritt jikkonfermaw dan.

Semma wkoll li fil-jiem li ġejjin se tiġi introdotta l-liġi kontra l-ISLAPP u numru ta’ strumenti leġislattivi oħra mmirati biex jipproteġu l-ġurnalisti u l-libertà tal-midja.

Il-Prim Ministru qal li l-pjan ġie approvat mill-ewwel mill-Kummissjoni mingħajr ebda dewmien li jikkonferma b’mod ċar il-kredibilità u l-impenn tal-gvern Malti. Temm jgħid li Malta tħares ‘il quddiem lejn l-2022 bl-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja, fost affarijiet pożittivi oħra. 

Intant, Von der Leyen, kellha kliem ta’ tifħir għall-Pjan ta’ Malta u fissret li dan huwa wieħed mill-aktar pjanijiet favur l-ambjent mressaq għand il-Kummissjoni Ewropea. Dan hekk kif qalet li l-Pjan imressaq mill-Gvern Malti jiġbor fih 54% tal-inizjattivi li huma ta’ natura ambjentali.

Ekonomija

Sport