Sunday, October 27, 2024

“Il-miżuri l-ġodda tal-Covid huma daqqa ta’ ħarta oħra għall-industrija tal-catering” – ACE

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) qalet li l-miżuri l-ġodda tal-Covid-19 li daħlu fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar 2022 huma daqqa ta’ ħarta oħra għall-industrija tal-Catering.

Fi stqarrija, l-ACE qalet li għal darb’oħra l-Ministeru għas-Saħħa wera li huwa maqtugħ mir-realtà u għal darb’oħra qed jilgħab “Russian roulette” bl-għajxien tas-sidien tar-ristoranti.

Hija qalet li b’dawn il-miżuri ġodda d-Deputat Prim Ministru kompla jaggrava s-sitwazzjoni fejn jidħlu riżorsi umani kif ukoll ġie nnotat li ħafna ħaddiema qed iħallu din l-industrija minħabba li f’industriji oħra m’hemmx għalfejn li jitlaqqmu. 

L-ACE nnotat kif l-industrija tal-Catering diġà ilha tiffaċċja problemi ta’ ħaddiema minħabba miżuri meħuda mill-istess ministeru. Osservat il-fatt li l-miżuri li daħħlu fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar huma inċentiv biex aktar ħaddiema jitilqu mill-industrija tal-catering.

Fi stħarriġ li sar mill-ACE, aktar minn terz tar-ristoranti għandhom ħaddiem jew aktar li huma meqjusa bħala frontliners f’din l-industrija li mhumiex imlaqqma. L-ACE nnotat li dawn il-persuni jistgħu jaħdmu f’industriji oħra mingħajr problemi iżda mhux fl-industrija tal-catering u li dan qed ikompli jħalli impatt fuq ir-riżorsi umani minħabba dan ir-rekwiżit “diskriminatorju”.

L-ACE qalet li l-istandards ippubblikati huma totalment insensittivi għar-realtajiet inkluż il-fatt li hemm ħaddiema imlaqqma b’vaċċini li mhumiex rikonoxxuti mill-EMA. 

Sħarriġ li sar mill-istess Assoċjazzjoni jindika li 14% tar-ristoranti għandhom ħaddiema li huma mlaqqma bi sputnik jew vaċċin ieħor mhux rikonoxxut mill-EMA.

Fl-istess waqt stħarriġ tal-ACE sab li  50% ta’ dawk li wieġbu ddikjaraw li m’għandhom l-ebda għażla ħlief li jnaqqsu l-operat tagħhom wara li tħabbru l-miżuri l-ġodda tal-Covid.

Madwar 36% ta’ dawk li wieġbu ddikjaraw li riedu jkomplu jmexxu n-negozju tagħhom bħas-soltu filwaqt li 14% minnhom qed jagħlqu l-operat tagħhom sakemm jinbidlu l-miżuri. L-ACE nnotat  li l-industrija diġà tilfet 19% tal-operaturi tagħha mill-bidu tal-pandemija.

Fl-istess waqt, l-ACE tirrakkomanda li l-perjodu ta’ kwarantina jkun ta’ 5 ijiem għal kulħadd u li jkun maqtugħ mil-leave.

Hija nnotat ukoll li l-App tal-Gvern ma jidhirx li taħdem sew b’ċerti apparati u konsegwentement hemm ħafna ilmenti minn klijenti u li dan iżid fil-piż amministrattiv għall-istabbiliment tal-catering.

L-ACE qalet li peress li l-Ministeru tas-Saħħa f’diversi okkażjonijiet qal li lħaqna l-herd immunity, il-miżuri fis-seħħ huma inutli u qed jipperikolaw biss l-għajxien tan-nies. Hija qalet li għandu jikkunsidra wkoll it-tilqim differenti li issa huma aċċettati f’pajjiżi oħra tal-UE iżda mhux f’Malta.

Sport