Sunday, March 9, 2025

Il-Papa Franġisku se jibqa’ mudell għal ħaddieħor- Patri Dijonisju Mintoff

Fiż-żmien li s-Santità Tiegħu jinsab l-isptar Patri Dijonisju Mintoff ifakkarna kemm il-Papa jħeġġiġna biex ngħixu l-ħajja ma’ ħaddieħor… 

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Ħafna nies jitwieldu, jgħixu u jmutu bla ma jagħmlu xejn li jibqa’ jissemma’. Ħajjithom tgħaddi bħal kewba maħruba li ddawwal għal ħin il-beraħ tas-sema u timbela’ fid-dlam tas-skiet. Imma hawn nies oħrajn – ftit ħafna – li għemilhom u ħsiebhom iqajmu xrara li tibqa’ ħajja biex iddawwal l-imħuħ u tħeġġeġ lin-nies ta’ karattru żonqri”. Dan huwa estratt minn kitba ta’ Patri Dijonisju Mintoff u għalih, fost in-nies oħrajn li ftit ħafna hawn minnhom, hemm il-Papa Franġisku, il-Papa li se jibqa’ mudell għal ħaddieħor bil-ħajja li għex man-nies u viċin il-batut. Il-Papa li dejjem saħaq ‘għixu l-ħajja’.

F’din l-intervista ma’ Patri Dijonisju Mintoff, li huwa wkoll iddedika ħajtu biex jgħin lill-batut b’mod partikolari lill-immigranti, tkellimna dwar il-Papa Franġisku li għal dawn l-aħħar ġimgħat jinsab rikoverat fl-isptar Gemelli ta’ Ruma b’mumenti fejn saħħtu hija rrapportata f’qagħda kritika. L-istess Papa li fl-aħħar żjara tiegħu f’pajjiżna ħa ħsieb li jżur lill-Patri Dijonisju Mintoff fil-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far, il-post li dan ir-reliġjuż Malti offra li jagħti bħala saqaf lil bosta immigranti.

“Bniedem li għamel differenza

… Dejjem fittex il-foqra”

“Huwa żmien ta’ niket u żmien ikrah. Din hija ħaġa naturali u dan kien min kien. Meta jiġi ż-żmien li jitlaq, biex ngħid hekk, li ma tarahx… se tarah mod ieħor. Il-Papa Franġisku huwa bniedem li għamel differenza kbira minn ħafna bnedmin oħra. Qegħdin nitkellmu fuq Papa li mar fl-aktar postijiet il-bogħod u foqra tad-dinja li wħud minnhom lanqas jidhru fil-mappa. L-aħħar post li mar domt siegħa nfittxu fuq il-mappa. Sab il-foqra… Dejjem ifittex il-foqra għax jemmen kemm sar progress fid-dinja, progress kbir li jirringrazzja l’Alla għalih u lin-nies li ħadmu għalih però, imbagħad, jgħid kemm ma jistax jemmen kif nofs id-dinja baqgħet bil-ġuħ mentri l-bqija f’idejn tliet, erba’ min-nies,” beda jispjega Patri Dijonisju Mintoff.

Hawn huwa kkwota kitba minn tiegħu li tgħid, “it-toroq imdemma tad-dinja huma mimlija bil-vittmi li ħalla warajh l-eżerċitu ta’ dawk li ma jaħsbu f’ħadd ħlief fihom infushom. Qisha ma tgħaddix ġimgħa waħda li ma naqrawx fuq nies li ħalsu b’demmhom il-ħolma tagħhom tal-ideal. Kull ideal jirbaħ lil quċċata għolja ta’ muntanja, jew terġa’ lura u tinħeba fid-dell jew trid tibqa’ tixxabbat u tissogra sal-aħħar. U iżjed ma titla’, iżjed is-sogru jikber”.

Papa li għex il-ħajja ta’ kuljum

… Papa li ħa sogru 

Proprju s-sogru li jsemmi Patri Dijonisju huwa s-sogru li ħa l-Papa Franġisku għall-ideal tiegħu minkejja kull oppożizzjoni li sab u għadu jsib bħala Kap tal-Knisja Kattolika Ruman. Dan il-Patri spjega li d-differenza li għamel il-Papa Franġisku hija “li għex il-ħajja ta’ kuljum mentri l-oħrajn mhumiex jgħixuha l-ħajja. Qegħdin jgħixu ħajja fejn jaraw biss kif se jkunu l-aħjar, kif se jkunu l-isbaħ, kif se jkunu l-ikbar, kif se jkunu l-aktar għonja, li jkunu l-aktar ħaġa u l-aktar oħra. Imma, mhux li jkunu bnedmin”. 

Saħaq li Alla ħalaqna biex inkunu bnedmin u “aħna bnedmin meta ngħarrfu lilna nfusna li ma nistgħux ngħixu mingħajr oħrajn. Sakemm nibqgħu ngħixu waħidna, għadna m’aħniex bnedmin. Għadna biċċa tafal li Alla għamilha bniedem imma hemm min jibqa’ biċċa tafal, kadavru mhux ħaj f’tebut li jżommu mejjet dejjem. Jiġi ħaj daqs kemm-il-darba joħroġ minn dan il-katavru. Ħieles mill-egoiżmu, mis-suppervja, mill-ambizzjoni u mill-ħolm friegħa tiegħu”. 

Mentri, kompla jispjega Patri Dijonisju Mintoff, “minn mindu kien żgħir Papa Franġisku qabad din it-triq u ma warrab qatt minnha. Mhux tgħid li kien miexi ‘l hawn u xi ħadd biddillu t-triq. Beda triq u baqa’ dejjem fiha – it-triq tat-twemmin li hemm xi ħadd u t-triq li jgħix ma’ ħaddieħor”. 

“Meta tgħix ma’ ħaddieħor tgħix ma’ kull ħaġa oħra”

Fir-rigward dan il-Patri Malti enfasizza li ”mhux bħal dak l-għani li qiegħed paxxut fuq pultruna jew jagħmel il-pranzijiet sakemm jimla’ żaqqu u sakemm jara dak li għalih huwa tajjeb. Ikun qiegħed jara lbies u ċraret, moda u drawwiet biss imma, ma jkunx qiegħed jara lill-bniedem. Għalih il-fqir jibqa’ għaddej. Jarah għax il-fqir jidher u dan anke jekk ma jkellmekx tkun taf li huwa fqir. Tagħrfu mit-tbatija tiegħu għax it-tbatija tikxef lill-bniedem”. 

Hawn Patri Dijonisju Mintoff qal li l-egoiżmu huwa bħal mera fejn tagħmel għomrok kollu tara wiċċek biss u ma tara qatt lil ħaddieħor. “Titwieled u tmut tara wiċċek biss fil-mera. Immaġini li ddejqek u trid teħles minnha. Imma, meta tgħix ma’ ħaddieħor, tgħix ma’ kull ħaġa oħra. Mal-għeruq u mhux tgħix mingħajr għeruq. Issa, imbagħad, għandek ir-reliġjon u l-ħajja tiegħek però l-ħajja ta’ kuljum iktar tressaq lejn il-bniedem għax iġġiegħlek tgħin lil ħaddieħor. Tagħġen biċċa ħobż biex tgħin lil ħaddieħor u mhux biex tiekol waħdek. Meta se tagħtiha lil ħaddieħor, ħaddieħor se jagħtiha lil ħaddieħor u dik il-biċċa ħobż tibqa’ ddur sakemm terġa’ tiġi għandek. Jiġifieri, dak li tagħti inti lil ħaddieħor se jerġa’ jiġi għandek. Dan għax dik il-biċċa ħobż tkun qiegħda tieħu l-barka u d-dawl Tiegħu”. 

Patri Dijonisju lissen dan il-kliem għat-tagħlim li għaddielna l-Papa Franġisku dwar il-proxxmu. Bħala l-mexxej tal-Knisja, lill-Papa nistgħu narawh fl-isfond tad-dinja kollha bħall-bnedmin l-oħra kollha imma mbagħad irridu narawh ukoll bħala mexxej tal-Knisja.

Elabora li, “qabel xejn lill-Papa Franġisku tikkonsidrah bħala l-mexxej tal-Knisja. Allura, il-ħidma prinċipali tiegħu kienet bħala l-mexxej tal-Knisja u għex għaliha. Imma, huwa għażel it-triq li mhiex it-triq komda. It-triq li hija iebsa ħafna li għaliha trid tkun tant kuraġġuż. Dan għax jew tibqa’ taħdem u taħdem sakemm tasal għaliha jew inkella tieqaf u tispiċċa mal-folla u l-eluf l-oħra li jibqgħu jħarsu lejn it-tbatija. L-oħrajn kapaċi jgħajjtu għajta waħda ‘infittxu neħilsu minnu għax dan mhux se jħallina kwieti’… Jgħidu ‘salbu, salbu’ ħalli ma jħalluhx imiss it-triq tagħhom fejn huma komdi. Allura, tagħmel differenza kbira bejnu u bejn l-oħrajn”. 

Nies li għamlu differenza tgħożżhom

… Turihom lill-oħrajn

… Ma tistax tagħlaqhom f’mużew

Hawn il-Patri reġa’ rrefera għall-kitba tiegħu stess li tgħid, “isimhom jiddi bħal kewba fuq id-dlam u l-waħx ta’ dinja mħassra bil-għajb u l-viltajiet u l-ħerba ta’ rjus sħan u fanatiċi medhijin biss bil-kliem fieragħ. Bniedem li jgħix sodisfatt u f’indifferenza sħiħa meta jara problemi u diffikultajiet li fihom jitqabdu bnedmin bħala mhux ħlief karikatura ta’ bniedem”.

Patri Dijonisju Mintoff qal li n-nies li jagħmlu differenza pożittiva bħalma għamel Papa Franġisku, fehmu aktar u daħlu fl-ispirtu tal-Knisja u allura lil dawn, “tgħożżhom ħafna. Imma, ma tistax tagħlaqhom f’mużew u ma tistax lanqas tagħlaqhom f’kaxxa forti. Tgħożżhom u turihom lill-oħrajn. Allura, dan huwa l-waqt anke l-Knisja, li qiegħda tgħożż lil dan il-bniedem li tant ħadem u mhux se tagħlqu f’mużew. Lanqas il-mewt mhi se tagħlqu f’mużew jew f’kaxxa forti. Dan se jibqa’ jdur magħna u leħnu se jibqa’ jissemma’… jibqa’ dejjem għaddej u jibqa’ dejjem juri. Imma, jibqa’ juri dejjem l-istess ħaġa – kemm huwa kbir li tgħix ma’ ħaddieħor fil-ħajja ta’ kuljum. Il-ħajja ta’ kuljum taf li tagħmlek bniedem. Meta tagħmel dawk l-affarijiet l-oħra kbar kbar li ma tistax tilħaqhom jew inkella tilħaqhom għal ftit ħin biss u mbagħad dak il-ħin stess jaħarbulek minn idejk, tkun qiegħed taħli ż-żmien tiegħek u ta’ ħaddieħor”.

Dejjem għex mal-ħajja u għażel il-faqar

Dan ir-reliġjuż Malti ppreċiża li jekk minflok tagħżel li tgħix ma’ ħaddieħor, “ħajtek tkun bukkett kbir, warda differenti mill-oħra li tant ikun sabiħ u jfuħ, iżejjen u jispira li jgħix miegħek ukoll. Dan għax kull ħaġa oħra tgħix miegħek, mhux il-bniedem biss imma anke n-natura tgħix miegħek u Franġisku kien il-bniedem li għadda minn din it-triq kollha. Għex mal-ħajja. Għex ta’ tifel, ta’ qassis, ta’ patri, ta’ isqof u ta’ kardinal. Dejjem fittex din it-triq li jgħix ma’ ħaddieħor. Kien juża karozza tal-linja, jiekol mal-oħrajn u l-palazzi ma kienux jgħoddu għalih. Dejjem għex fil-faqar. Għex fil-faqar mhux għax ma setax ikollu palazz għax bħal Alla li ħoloq id-dinja u kellu d-dinja kollha f’idejh kien għażel għar. Dan mhux għax ma kellux imma kienet għażla Tiegħu ħalli jkollhom l-oħrajn. Mhux huwa jkollu u l-oħrajn jgħixu fit-triq. Franġisku hekk għex u baqa’ hekk s’issa”.

Parti Dijonisju fakkar kemm il-Papa Franġisku tkellem diversi drabi fuq in-natura u kif id-dokumenti tiegħu, mill-bidunett, kienu juru kemm ħabb u għallem fuq in-natura kif ukoll kemm ħabb lill-bniedem, lill-fqir u kemm għex mal-fqir. Semma’ l-fatt li saħansitra, ta’ Papa, Franġisku għażel li ma joqgħodx fil-palazzi tal-Vatikan imma f’appartament żgħir fejn kienu jgħixu fih nies oħra. 

“Min jaf kemm qassisin foqra marru Ruma li forsi kellhom ftit flus u kienu jmorru jgħixu jumejn hemmhekk. Ġieli anke jmorru jaħdmu jew imorru studenti biex jistudjaw. Il-Papa Franġisku għażel dak il-post u għex fih kuntent kif ukoll qasmu ma’ kulħadd. Mhux mal-Insara biss. Ma’ kulħadd għax Alla ħalaq lil kulħadd demmu aħmar u lkoll aħna demm wieħed. Aħna lkoll familja waħda”.

Għajta ta’ ħajja mhux għajta ta’ mewt

Patri Dijonisju Mintoff reġa’ tenna li l-aħbar dwar saħħet il-Papa Franġisku kienet daqqa kbira iżda ħa ħsieb li jgħidilna kif “però, fil-ħajja trid tistenna dejjem dak li huwa tal-ħajja. Imma, taf ukoll li dak se jibqa’ jikber f’xi ħaġa oħra, x’imkien ieħor, f’messaġġ ieħor, f’ħidma oħra u se jibqa’ mudell għan-nies kuraġġużi li filwaqt folla ta’ eluf tgħajjat kemm tiflaħ biex ħadd ma jieħu postha għax komda, wieħed jew tnejn waħidhom jistgħu jagħtu ħajja lil iktar nies oħra milli taw dawn. Jagħmlu dan bil-ħajja fqira tagħhom, bil-ħajja ta’ xogħol tagħhom u bit-tbatija tagħhom għax isibu għadu minn kullimkien. L-għajta tagħhom tkun dejjem għajta ta’ ħajja mhux għajta ta’ mewt. L-għajta ta’ mewt ‘salbu, salbu’ jgħajjtuha l-oħrajn. Dan il-Papa qiegħed f’nofshom imma baqa’ jgħajjat, xi drabi anke meta kien waħdu inkluż f’dawn iż-żminijiet meta tkellem fuq hekk u fuq hekk. Hemm min, li huma ftit, li taw kasu mentri, hemm dawk li ma taw kas tiegħu xejn. Imma huwa qatt m’għajjat ‘salbu’… dejjem għajjat ‘għixu l-ħajja’”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport