Sunday, December 22, 2024

IL-PM ma qabiżx il-limitu meta kkummenta dwar il-qtil ta’ Pelin Kaya

Deċiżjoni mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika

Aqra wkoll

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma laqax ilment li sar mill-Għaqda Studenti tal-Liġi fil-konfront tal-Prim Ministru Robert Abela b’rabta ma’ kummenti li dan tal-aħħar kien għamel dwar l-omiċidju ta’ Pelin Kaya.

F’diskors li kien għamel f’attività politika nhar it-22 ta’ Jannar 2023, il-Prim Ministru għamel referenza għal dan id-delitt li seħħ ftit ġranet qabel.

Dakinhar huwa qal li meta tara każ bħal dan li xxokkja lil kull wieħed u waħda minna, iqajjem fik sens ta’ rabja għaliex dawn huma attitudnijiet, azzjonijiet li ma jirrispettawx dak li jemmen fih pajjiżna.

Il-Prim Ministru żied jgħid li jistenna li l-Qrati, mingħajr ma kkummenta fuq il-każ partikolari, ikunu sodi f’kull fażi tal-proċess sal-eventwali sentenza għaliex fi kliemu stess “dak huwa li qed jistennew in-nies.”

Dawn il-kummenti kienu wkoll irrapportati fil-midja. L-għada, it-23 ta’ Jannar 2023, il-Prim Ministru reġa’ tkellem dwar dan il-każ fejn reġa’ tenna li l-Qrati għandhom jibagħtu messaġġ ċar ħafna, partikolarment kemm fl-ipproċessar tal-ħelsien mill-arrest f’dan il-każ u f’kull każ ieħor, kif ukoll fl-eventwali sentenza.

Sadanittant, l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika kiteb lill-Prim Ministru sabiex jitolbu l-veduti tiegħu dwar l-ilment inkwistjoni. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru wieġeb li huwa inkonċepibbli, kif hawn min qed jippretendi, kif hu fl-irwol tiegħu ta’ PM, ma jikkummentax pubblikament, tlitt ijiem biss wara li seħħ reat xokkanti ta’ omiċidju u reati oħrajn fuq tfajla barranija residenti f’pajjiżna.

“Kif stajt ma nikkummentax u ma nesprimix ċensura qawwija, nuri dieqa u rabja li kienet bir-raġun kollu riflessa fis-setturi kollha tas-soċjetà tagħna? Kont mhux biss nonqos mid-doveri tiegħi, imma nuri insensittività kbira li kieku injorajt, daqslikieku qatt ma seħħ, dan l-inċident atroċi li ma jirrifletti xejn il-valuri li jħaddan b’għożża l-poplu tagħna u s-sens ta’ sigurtà li kull min jgħix f’pajjiżna għandu dritt għalih,” tenna l-Prim Ministru.

Huwa reġa’ nsista li ma kkummentax fuq il-każ li kien għadu sub judice, anzi fakkar li huwa espressament qal “bla ma nikkummenta, għax ma nistax għax kieku nikkummenta, fuq il-każ partikolari.” Għalhekk saħaq li huwa għalkollox skorrett l-ilment ibbażat fuq li b’diskors li kkummenta fuq il-każ sub judice u b’hekk intralċja fuq il-jedd għal preżunzjoni tal-innoċenza tal-akkużat.

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Kummissarju għall-Istandards qal li huwa minnu li d-diskors inkwistjoni jittrażmetti messaġġ li l-Qrati għandhom jagħtu sentenzi ħorox f’każi bħal dak indikat. Iżda s-separazzjoni tal-poteri ma jfissirx li politikant ma jistax jikkummenta b’mod ġenerali dwar il-ġustizzja u fuq kolllox jirrifletti l-opinjoni pubblika fuq inċidenti xokkanti bħal dawn, anke għaliex fil-każ inkwistjoni jidher li l-akkużat ġie mogħti l-libertà proviżorja f’każi oħra li kellu.

“Hawn però ta’ min jgħix li huwa dritt kważi imprexxindibbli tal-akkużat li jingħata l-ħelsien mill-arrest sakemm jgħaddi ġuri minħabba wkoll deċiżjonijiet tal-Qorti ta’ Strasburgu,” tenna jgħid il-Kummissarju għall-Istandards.

Għalhekk filwaqt li apprezza l-interess li ħadet l-Għaqda Studenti tal-Liġi, il-Kummissarju saħaq li ma nħassx li nqabeż il-limitu ta’ fejn deputat parlamentari, b’mod partikolari membru tal-Eżekuttiv, għandu jasal meta jikkummenta fuq każi quddiem il-Qrati.

Kien għalhekk li saħaq li l-ilment ma jirriżultax fondat u ddikjara l-każ bħala wieħed magħluq.

Ekonomija

Sport