Wednesday, December 25, 2024

Il-PN isostni li l-ħaddiema tal-Enemalta għandhom jingħataw kumpens u leave addizzjonali

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-Ħaddiema tal-Enemalta, li qed iqattgħu sigħat ’il bogħod mill-familji tagħhom, jixirqilhom li jiġu kkumpensati tajjeb, mhux biss finanzjarjament iżda anke b’leave addizzjonali bħala kumpens għall-ħin mitluf minn mal-familji tagħhom.” Iddikjaraw dan il-kelliema tal-Oppożizzjoni Mark Anthony Sammut (Kelliem għall-Enerġija u l-Intrapriża) u Ivan Castillo (Kelliem għas-Settur Marittimu u x-Xogħol) f’konferenza stampa aktar kmieni wara nofsinhar.

Huma sostnew li dawn il-ħaddiema ddedikati qed jaħdmu b’reżiljenza f’kundizzjonijiet ħorox u li huma tpoġġew f’pożizzjoni li mhix tort tagħhom.

Komplew biex jgħidu li dawn huma l-veri eroj, li qed jaħdmu bil-lejl u bi nhar biex iġibu lura l-elettriku fi djar li ilhom bla elettriku għal ġranet sħaħ. Mhux biss, il-kelliema tal-Oppożizzjoni sostnew saħansitra li xi wħud minnhom imorru lura fid-djar tagħhom mingħajr elettriku u mistennija jqumu għax-xogħol biex jirrepetu ġurnata xogħol oħra ta’ tbatija kbira.

Il-Partit Nazzjonalista qed jistaqsi wkoll jekk il-Gvern ta’ Robert Abela hux se jkun qed jagħmel tajjeb għat-telf tax-xogħol, danni oħrajn u l-pagi tal-ħaddiema f’każi fejn uħud għażlu li jagħlqu l-bibien, jibagħtu l-impjegati bil-leave u xi dan anke xi drabi mingħajr ħlas minħabba l-instabbiltà fil-provvista tal-elettriku.

Ekonomija

Sport