Saturday, May 18, 2024

“Il-politiċi li baqgħu jieħdu l-biljetti b’xejn … X’wassalna s’hawn?”

Deputat tal-PL Omar Farrugia jelenka 10 punti li jemmen li wasslu l-Air Malta s’hawn

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Illum xtaqt nelenka xi punti ta’ x’nemmen li wassal biex wasalna sa hawn biex nuri kemm din id-deċiżjoni tal-gvern kienet waħda kuraġġjuża u tajba. Fejn sħabna ta’ faċċata qatt ma taw futur sostenibbli lil-linja tal-ajru nazzjonali tagħna, dan il-gvern qiegħed jagħmel dan”. Iddikjara dan id-Deputat Laburista Omar Farrugia li fil-kontinwazzjoni tad-diskussjoni dwar l-Air Malta elenka għaxar punti li jemmen li wasslu lill-Air Malta biex tasal fejn hi llum.

Id-deputat tal-PL beda biex jitkellem dwar deċiżjonijiet strateġiċi żbaljati fejn fuq medda twila ta’ snin l-Air Malta ħadet deċiżjonijiet li servew ta’ daqqiet ta’ ħarta għal-linja tal-ajru. Farrugia tkellem dwar l-għażla tal-RJ70s lura kważi 30 sena ilu sa dawk l-iktar riċenti f’rotot mhux profittabbli. Hawnhekk Farrugia qal li tajjeb li nżidu l-konnettività ta’ pajjiżna iżda dan ma jfissirx li b’mod awtomatiku, ċertu rotot se jkunu sostenibbli biex jintlaħaq dan il-għan. Skont id-deputat żagħżugħ fuq medda ta’ għexieren ta’ snin, il-linja nazzjonali tal-ajru ma kelliex koerenza strateġika u l-ħafna bidliet fit-tmexxija, minn gvern għal ieħor u minn Ministru għal ieħor ftit li xejn offrietilha stabbiltà.

Fejn jidħlu inċentivi, Farrugia qal li l-linja tal-ajru qatt ma kellha inċentiv biex tagħmel qligħ, anzi kien hemm min abbuża minnha għall-gwadann personali. Huwa hawnhekk kien qiegħed jirreferi għal politiċi attivi u anke oħrajn irtirati li kienu jingħataw biljetti b’xejn għalihom u għall-familjari tagħhom.

“Għalhekk importanti li jkun hemm, anke jekk parti żgħira, l-interess privat fis-shareholding tal-linja tal-ajru biex dawn il-forom ta’ governanza serja jibqgħu hemm”, kompla Farrugia.

Raġuni oħra li semma kienet li l-Air Malta topera f’suq Ewropew li huwa l-iktar wieħed kompetittiv fid-dinja fejn is-suq huwa dominat minn linji tal-ajru low-cost li jitfgħu ħafna prijorità fuq l-effiċjenza, tnaqqis ta’ ħela, lean management u ekonomiji tal-iskala.

“Min-nefqa tal-manutenzjoni sa xiri ta’ fjuwil, kumpaniji bħal Ryanair, Lufthansa, British Airways u Air France, li

kollha għandhom ’l fuq minn 400 ajruplan, għandhom vantaġġ integrat li l-Air Malta, bi tmien ajruplani, trid

tlaħħaq miegħu qabel ma tistartja l-ewwel magna. Dan ifisser ukoll li l-linja tal-ajru ġdida trid tkun innovativa u strateġika sal-limitu biex tikkompeti.

Id-deputat Laburista semma’ wkoll ir-regoli tal-UE fejn mhux kull pajjiż tħalla jkollu linja tal-ajru nazzjonali u fost dawn hemm pajjiżi bħall-Ungerija, il-Litwanja u l-Islovakkja.

Il-privatizzazzjoni tal-ajruport u l-bejgħ tal-assi tal-Air Malta tissemma bħala l-ħames raġuni. Skont Farrugia hawnhekk il-Partit Nazzjonalista għandu ħafna xi jwieġeb. 

“Dawn l-assi ġew mibjugħa u ġew mibjugħa għax il-Partit Nazzjonalista ried ibighhom biex jagħmel tajjeb għat-telf

u tberbiq. Hemm minn jghidlek li dawn ġew mibjugha bix-xejn imma imbagħad niftakar li ma jistax

jkun ghax qabel l-2013 il-korruzzjoni ma kinetx teżisti skont sħabna ta’ faċċata”, tenna Farrugia.

Kompla biex isemmi dwar kif l-Air Malta kellha ħafna iżjed ħaddiema milli kellha bżonn u kif illum din topera bi 375 persuna, nofs l-ammont ta’ qabel.

Tkellem ukoll dwar l-iskemi tal-irtirat kmieni iffirmati mill-gvern Nazzjonalista li poġġew piż enormi fuq il-kumpanija.

Skont Farrugia daqqa ta’ ħarta oħra kienet li fuq medda twila ta’ snin, il-linja tal-ajru ma kinitx kapaċi tagħraf fil-ħin il-bidliet fl-imġiba tal-klijenti.

Farrugia rrefera għal telf tar-rotot Libjani fejn kellek titjiriet li jkunu mimlijin u biljetti mill-iktar għoljin u bi profitti immens għax id-distanza hija qasira apparti vantaġġi fehmiet diplomatiċi.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Farrugia qal li l-kumpanija ma ħaditx ħsieb l-aqwa talent li kellha u li Gvern Nazzjonalista prefera jagħti paga tax-free lil Kap Eżekuttiv barrani b’valur doppju min dak tal-lum minflok għażel minn fost il-ħafna nies kapaċi Maltin u Għawdxin ta’ rieda tajba.

“Nikkwota lil Ministru Nazzjonalista li ma jridx “ċuċ Malti” bħala Kap Eżekuttiv. Inselli ghas-Sur David Curmi li ġie attakat inġustament biex pajjiżna jkollu linja tal-ajru. Ġie attakat għax Malti”, tenna Farrugia filwaqt li saħaq li fiduċjuż fil-pjan tal-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol lejn tranżizzjoni xierqa. Huwa qal li din se tkun qiegħda tagħmel tajjeb għan-negattività u d-dwejjaq tal-Oppożizzjoni li qiegħda tipprova tagħmel biss bsaten fir-roti u twassal diżinformazzjoni.

Sport