Thursday, April 18, 2024

Il-Qorti tiċħad talba ta’ raħħal li nqatlulu madwar 200 nagħġa

Jingħata kumpens ta’ €2,000 wara li kien arrestat illegalment

Aqra wkoll

Il-Qorti Kostituzzjonali ordnat li raħħal Għawdxi jingħata kumpens ta’ €2,000 wara li kkonkludiet li kien arrestat illegalment. Madanakollu l-istess Qorti ċaħdet it-talba tiegħu biex tiddikjara li l-qtil ta’ madwar 200 nagħġa kien imur kontra l-liġi.

Ġanni Attard ilmenta li fit-3 ta’ Novembru 2012 id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji ordna biex il-merħla tiegħu f’razzett fl-Għarb biex tinqatel għax ma kinitx reġistrata mad-Dipartiment.

Attard qal li kien arrestat mingħajr raġuni u sakemm ressaq mandat biex ma tinqatilx il-merħla laħqu nqatlu ħafna min-nagħaġ fosthom dawk li kienu tqal.

Ir-raħħal fetaħ il-kawża fil-Qorti Kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u d-Direttur Ġenerali tas-Servizzi Veterinarji, b’dawn tal-aħħar jiċħdu l-akkużi kontrihom u insistew li l-merħla bdiet tinqatel minħabba li ma kinitx reġistrata u għalhekk in-nagħaġ ma setfħux jiġu intraċċati għal skop ta’ saħħa u konsum tal-ikel. 

Wara li semgħet liż-żewġ verżjonijiet, l-Imħallef Anna Felice ma tatx raġun lil Attard dwar il-kwistjoni tal-qatla u rrimarkat li kieku verament kellu għal qalbu l-istess merħla, kien jirreġistrahom biex ikun konformi mal-liġi. żiedet tgħid li huwa qatt ma kellu dritt irabbi nagħaġ mingħajr permess u rrimarkat li dan ma kienx l-uniku nuqqas tiegħu.

L-Imħallef Felice qalet ukoll li mill-verifiki li għamlu l-uffiċjali tad-Dipartiment irriżulta li r-raħħal ma ppruvax li ma kellhomx mard u għalhekk setgħu kienu ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem anke minħabba li Attard kien jaħdem prodotti minnhom għall-konsum tan-nies. 

Fl-istess waqt hija żiedet li ma jirriżultax li l-maġistrat ikkonfermat l-arrest tiegħu kif qalu l-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u d-Direttur Ġenerali tas-Servizzi Veterinarji u waqt li ddikjarat l-arrest illegali ordnat li jagħtu lil Attard €2,000 f’kumpens.

Ekonomija

Sport