It-tim nazzjonali tal-veterani Maltin rebħu l-MUSC Cup wara li għelbu lil Manchester Reds 4-0 f’logħba li ntlagħbet fic-Centenary Stadium.
Il-plejers Maltin ħadu vantaġġ mill-okkażjonijiet li ġewhom u kkastigaw erba’ darbiet lill-veterani minn Manchester sabiex setgħu jiċċelebraw dan is-suċċess. Dawn tal-aħħar kellhom fl-iskwadra eks-plejers ta’ isem fosthom Jaap Stam u Ronny Johnsen bil-logħba biex tikkomemora l-65 anniversarju mit-twaqqif tal-Manchester United Supporters Club.
Il-Maltin marru minn fuq fl-ewwel taqsima b’daqqa ta’ ras ta’ Michael Galea sabiex fit-tieni taqsima Mark Barbara, Kevin Sammut u Ian Zammit żiedu aktar gowls għat-tim Malti.
Fi tmiem il-konfront, il-president tal-Manchester United Supporters Club Malta Joseph Tedesco ippreżenta t-tazza lill-captain tal-veterani Brian Said.
Il-Maltin bdew b’din il-formazzjoni:
Mario Muscat, Jeffrey Chetcuti, Carlo Mamo, Brian Said, Stephen Wellman, Gareth Sciberras, Kevin Sammut, Roderick Bajada, Michael Galea, Jamie Pace, Aleksandar Ribic.