Friday, April 11, 2025

Il-vittmi tas-soċjetà tagħna stess … il-każ taż-żewġt aħwa abbandunati … u llum għandna tfal injoranti

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Nisimgħu ħafna is-soċjetà llum. Soċjetà kumplessa u għaddejja b’ġirja sfrenata biex tlaħħaq ma’ dak kollu li għandha madwarha. Soċjetà li llum il-pressjoni ta’ xogħol u pressjonijiet oħra qegħdin iwasslu għal problemi mhux żgħar. Separazzjonijiet. Tfal li jmorru fi djarhom wara l-iskola u ma jsibu lil ħadd.

Saret normali llum jingħataw iċ-ċavetta tad-dar. Saret normali li flok isibu l-ikel kif konna nsibu aħna, iċemplu u jġibuhulhom lest jew imorru għand tat-take away. Illum l-abbandun ta’ tfal m’għadux komuni kif kien qabel.

Illum, diversi problemi soċjali li għandna ma ssibhomx fil-beraħ imma moħbijin bejn l-erba’ ħitan tad-djar. Fosthom din li tfal tagħna jmorru lura fi djarhom wara l-iskola u ma jsibu lil ħadd, għax il-ġenituri idumu x-xogħol. 

Proprju ħamsin sena ilu L-ORIZZONT kien irrapporta u tratta każ ta’ abbandun. Ir-rapport kellu it-titlu “It-tfulija u żgħożija ta’ żewġ aħwa abbandunati”.

Ir-rapport kien qal li “fid-dinja ta’ llum is-soċjetà ma tippermettix, għall-inqas safejn tista’, li jkun hemm vittmi tas-sistema tagħha stess. Dawk li telgħu f’familja kuntenta, f’ambjent modern u sabiħ, rari forsi jieqfu u jaħsbu f’dawk il-ftit każijiet li għandna jiġru madwarna ta’ bnedmin bħalna li, mingħajr ebda ħtija tagħhom, sfaw imwarrbin, sfruttati u maħqurin mill-istess soċjetà li għamlithom. Iżda fatt li ma jista’ jmerih ħadd hu li dawn il-każijiet kienu u għadhom jiġru, forsi mhux tant spiss daqs dari. 

Ir-rapport kien qal li “llum għandna quddiemna eżempju ċar ta’ dan, eempju ċar ta’ żewġt aħwa, it-tnejn ibatu bil-paraliżi f’saqjahom, li ġew minn familja mifruda bla ma jafu xi tfisser imħabba ta’ omm u umissier, bla ma jafu xi tfisser il-ferħ fil-familja, bla ma qatt gawdew il-pjaċir ta’ missierhom li ġabilhom xi ġugarell għall-Milied jew għal xi festa oħra.”

Kien intqal li “li jafu biss dawn it-tnejn hu kif tgħix u torqod minn jum għal ieħor daqqa f’xelter, daqqa f’ċimiterju, daqqiet barra għax-xita jew il-bnazzi. Li jafu dawn iż-żewġt aħwa hi trobbija f’istitut għat-tfal abbandunati, għat-tfal li ma jafux min huma ommhom u misiserhom. Għat-tfal li huma vittmi tas-sistema tas-soċjetà tagħna għax wara kollox mhux tort tagħhom li ġew fid-dinja bħalma lanqas mhux tort tagħhom li l-ġenituri infirdu jew abbandunaw lil uliedhom.”

“Dawn iż-żewġt aħwa huma Peter Degabriele ta’ 22 sena u ħuħ Nazzareno ta’ 20, it-tnejn Żwieten.  Ommhom u missierhom infirdu  minn meta l-ulied kienu żgħar u dawn intbagħtu fl-Istitut ta’ Ġesu Nazzarenu fiż-Żejtun. Metą qabdu jitfarfu marru l-Istitut ta’ San Ġużepp f’Għawdex. B’kollox dawn iż-żewġ postijiet għamlu madwar 12-il sena u ta’ 19 u 17-il sena kull wieħed l-aħwa telqu minn hemm.” 

“Żaren ġie fl-uffiċċju tagħna flimkien ma’ ħuħ wara li sar kuntatt magħhom minn dan il-ġurnal fejn spjegajnielhom  li għandna l-ħsieb li l-każ tagħhom, jekk huma jaċċċettaw dan, nippubblikawh. Żarenu kwiet  u bniedem li jidher li għall-età li għandu, għadda minn ħafna esperjenzi u jaf x’inhi responsabbilita, qabel. Ħuħ Peter ma sab ebda oġġezzjoni”. 

Ir-rapport ikompli jgħid li “huma qalulna li telqu mill-Istitut ta’ San Ġużepp wara li ġew infurmati li missierhom kien qiegħed imut. Marru jgħixu miegħu iżda ġimgħa jew tnejn wara tkeċċew minn hemmhhekk. Marru għand ommhom iżda hemmhhekk lanqas ma sabux kenn lanqas. Għax din qaltilhom li m’għadhiex fejn iżżommhom. Minn hawn intelqu għal rieħhom. Spiċċaw jiġru mat-toroq u jorqdu daqqa’ ma xi ħbieb f’ċimiterju f’Ħal Luqa f’Marsaxlokk f’xi xelter l-aktar fl-inħawi tal-Bombi u postijiet oħra.  Dan il-mod ta’ għixien baqa’ sejjer sa Frar sakemm il-Kumitat Laburista tal-Furjana, l-aktar bil-għajnuna tas-Segretarju tal-Lokal, is-sur G. Rizzo tkellem mal-Ministru tad-Djar u Artijiet, Dr P Holland u dawn ingħataw żewġt ikmamar fi Triq il-Kappuċċini il-furjana, li fi kliem Zarenu stess, ‘hu palazz għalina wara l-umdità tax-xelter”. 

Ir-rapport kien qal ukoll li “l-Kunvent tal-Kappuċċini tal-Furjana qed jieħu ħsieb jitmagħhom u s-sur John Mamo minn Birżebbuġa ħa ħsieb, wara li ġie avviċinat minn xi ħbieb tiegħu Furjaniżi, jiġbrilhom xi ħwejjeġ.  Sa hawn is-soċjetà permezz ta’ dawn in-nies, għamlet id-dover tgħha u lil dawn tathom kemm setgħet, Iżda in-nies li jagħmlu s-soċjetà humiex kollha lesti jagħmlu d-dover tagħhom u jitimgħu lil min hu agħar. Minnhom. Peter, tul kemm dam fl-Istitut f’Għawdex flimkien ma’ ħuħ, tgħallem il-welding fl-Istitut Tekniku tar-Rabat, iżda din is-sengħa tiegħu ma sabx fein jużaha.  Minflok hu u ġuħ sabu xogħol fil-ġebel ma’ kuntrattur għal LM5 fil-ġimgħa. Mhux hekk biss iżda għal din il-paga huma qalulna li keinu jaħdmu ukoll is-Sibt u l-Ħadd.  L-aħwa sostnew li ma kinux imħallsin biżżejjed u rrappurtaw il-każ lill-Uffiċjal ta’ l-Uffiċċju tax-Xogħol. Wara li l-kuntrattur inġibditlu l-attenzjoni li ma kienx qed iħallashom biżżejjed, dan keċċihom u bħala ‘benefiċċju’ għat-tmiem ta’ dan l-impjieg tagħhom, Peter ingħata Lm5 żejda u ħuħ Zarenu ingħata Lm1.  Wara dan, Zarenu din is-sena stess beda jirreġistra għax-xogħol u dan l-aħħar l-Uffiċċju tax-Xogħol sablu impjieg f’lukanda f’Buġibba. Sadanittant ħuħ ikun ma’ persuna jiġru fuq il-bastimenti jiġbru l-fdalijiet ta’ l-ikel magħrufa aħjar bħala ‘gashin’, tant famuż fost il-Maltin qabel u ftit żmien wara l-gwerra.

Wara li spiċċaw jirrakkontaw fil-qosor din il-ħajja, huma qalu li jixtiequ jirringrazzjaw lil dawk kollha li għenuhom u li għalina huma dawk li taw li setgħu flok ħaddieħor li ma tana xejn”. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport