Sunday, December 22, 2024

Impjegati ta’ San Vinċenz qed jingħataw taħriġ dwar id-dimensja

Aqra wkoll

Bħalissa impjegati ta’ San Vincenz De Paul li jkollhom kuntatt ma’ persuni bid-dimensja qegħdin jingħataw taħriġ biex ikunu jistgħu joffru servizz aħjar. Dan it-taħriġ qiegħed jiġi offrut kemm lill-ħaddiema tal-Gvern u anke dawk tal-kuntrattur.

Dan ħabbru fil-Parlament il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela meta kien qiegħed iwieġeb mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici.

Il-Ministru Abela qal li dan it-taħriġ huwa akkreditat mill-Università ta’ Malta u normalment jiftaħ darbtejn fis-sena. Barra minn hekk, qed jitfassal pjan biex jinfetaħ kors qasir għall-qraba tal-persuni bid-dimensja f’SVP. Il-pjan huwa li dan jibda jiġi offrut ukoll ġewwa ċ-Ċentru tat-Taħriġ.

Min-naħa tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, id-Direttorat għall-Kura tad-Dimensja joffri kors ta’ taħriġ dwar il-kura tad-dimensja għall-ħaddiema li jaħdmu ma’ persuni bid-dimensja.

“Filwaqt li l-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani tivverifika li l-istaff li jaħdem fid-djar tal-anzjani u jaħdem direttament ma u li jagħti appoġġ lill-persuni li jgħixu bid-dimensja fid-djar tal-anzjani jkollu taħriġ avvanzat dwar kif persuni li jgħixu bid-dimensja għandhom jingħataw appoġġ,” temm jgħid il-Ministru Abela fil-Parlament.

Ekonomija

Sport