Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri inawgura l-proġett ta’ riġenarazzjoni tas-Sala Parrokkjali biswit il-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria.
Il-Ministru stqarr li dan il-proġett infrastrutturali ser ikompli jsaħħaħ il-prinċipji u l-valuri fi ħdan il-komunità li jilqa’ dan is-sit. Kompla li dan il-proġett ser joħloq ukoll aktar opportunitajiet ta’ turiżmu reliġjuż, li hija niċċa turistika b’saħħitha fil-Gżejjer Maltin u ċertament hemm il-potenzjal li tkompli tissaħħaħ.
Huwa kompla jispjega li r-riġenerazzjoni ta’ din is-sala sar b’investiment ta’ madwar €100,000 fejn permezz tal-iskema Restoring and Upgrading Venues with the Capacity to Host MICE Events in Gozo, il-proġett ibbenefika minn kważi €50,000, hekk kif l-iskema tiffinanzja 50% tal-ispejjeż sa massimu ta’ €50,000.
Permezz ta’ dan l-investiment, ġie installat lift sabiex b’hekk is-sala tkun aktar inklussiva u aċċessibbli, ġew installati wkoll sistema ta’ arja kkundizzjonata u aperturi ġodda, inxtara apparat awdjo-viżiv, saru diversi xogħolijiet ta’ finishings varji fis-sala u l-immodernizzar tal-faċilitajiet sanitarji.
Il-Ministru Camilleri rringrazzja lil kull min ta sehmu f’dan il-proġett, b’mod speċjali l-Arċipriet tal-Parroċċa, il-Monsinjur Joseph Curmi u l-kollaboraturi tiegħu, u lit-tim fi ħdan id-Direttorat tat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed terġa tinfetaħ il-MICE scheme.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur għat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku Ronald Sultana qal li mill-applikazzjonijiet li rċievew għall-MICE Scheme, id-Direttorat laqa’ tmien proġetti differenti ta’ valur finanzjarju differenti. Kompla li sal-lum, id-Direttorat iffinanzja s-somma ta’ kważi €210,000 fuq dawn il-proġetti, b’sitta minnhom ġew konklużi.