Wednesday, December 25, 2024

Inizjattiva b’mira ta’ 90% inqas emissjonijiet

L-ewwel żewġ vapuri mqabbdin mal-proġett Shore-to-Ship

Aqra wkoll

L-ewwel żewġ vapuri tal-passiġġieri (cruise liners) tfew il-magni u qed ħaddmu bl-elettriku waqt li fi tmiem il-ġimgħa kienu sorġuti fil-Port il-Kbir, u tqabbdu mas-sistema tax-Shore-To-Ship, proġett ambjentali li mistenni jnaqqas b’aktar minn 90% t-tniġġis tal-arja mill-vapuri tal-passiġġieri f’din il-parti ta’ Malta.

Permezz ta’ dan l-investiment, Infrastructure Malta qed tagħti arja aktar nadifa lil 17,000 familja li jgħixu madwar il-Port il-Kbir. Il-Ġimgħa filgħodu, il-cruise liner Viking Saturn, sorġa f’Pinto Wharf fil-Floariana u s-Sibt, it-tieni cruise liner, Viking Venus sorġa f’Boiler Wharf, l-Isla.

Iż-żewġ vapuri jtajru l-bandiera Norveġiża u kellhom abbord mal-elf passiġġier kull wieħed. Bejniethom iż-żewġ vapuri damu f’pajjiżna sittin siegħa bil-magni mitfija, bl-investiment tax-Shore-To-Ship, naqqas sa 9,000 kilogrammi ta’ tniġġis.
Il-proġett Shore-To-Ship ser ikun qed jagħmel il-port prinċipali ta’ Malta minn tal-ewwel fil-Mediterran li jintroduċi sistema tal-elettriku mix-xatt għall-vapuri tal-passiġġieri.

Infrastructure Malta installat din is-sistema mal-ħames mollijiet prinċipali tal-cruise liners kollha, tlieta fix-Xatt ta’ Pinto, fil-Furjana, wieħed mal-moll ta’ Xatt l-Għassara tal-Għeneb, fil-Marsa, u dak ta’ Boiler Wharf, fl-Isla.

Mat-tlestija tiegħu, dan il-proġett ser jara dawn il-vapuri jitfu l-magni tagħhom li jaħdmu bil-gass jew heavy fuel oil u minflok iqabbdu mas-sistema għall-provvista tal-elettriku li se jkun hemm fuq ix-xatt, sabiex iħaddmu l-makkinarju għas-servizzi kollha li jkun hemm bżonn jipprovdu waqt li jkunu weqfin fil-port.

Skont studju Ewropew li sar fl-2015 huwa stmat li kull vapur tal-passiġġieri li jqatta’ tmien sigħat sorġut fil-port idaħħan 1.2 tunnellati ta’ ossidu tan-nitroġenu, daqslikieku għandek 300,000 karozza isuqu f’daqqa miċ-Ċirkewwa sa Marsaxlokk. Idaħħan ukoll 30 kilo t’emissjonijiet tal-materja f’partiċelli (trabijiet fini fl-arja li nieħdu man-nifs), l-istess ammont li joħroġ minn 180,000 vettura jivvjaġġaw tul l-istess rotta minn fuq s’isfel ta’ Malta.

Waqt żjara li għamel fil-Port il-Kbir il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia, qal li “dan l-investiment sinifikanti se jtaffi t-tbatija tal-familji fl-inħawi, li ilhom għal żmien twil milquta mit-tniġġis li joħroġ mill-cruise liners.

Juri biċ-ċar l-impenn tal-Gvern, li mhux biss inkomplu nsaħħu s-settur marittimu, izda naċċertaw li saħħet in-nies ma tiġix għas-skapitu tat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż,”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, saħaq fuq kemm hu importani li Malta, flimkien mal-Unjoni Ewropeja, tiġbed ħabel wieħed lejn l-avvanz f’newtralità klimatika.

“Bl-għajnuna tal-Fondi Ewropej , qegħdin nappoġġjaw investimenti f’oqsma bħat-teknoloġiji tal-enerġija nadifa, u t-tnaqqis tal-emissjonijiet filwaqt li nagħtu lok li jsiru diversi investimenti f’proġetti bħalma huwa x-Shore-to-Ship li jiffoka fuq l-użu tal-enerġija nadifa fil-portijiet.

Il-Pjan ta’ dan il-Gvern lejn it-tranżizzjoni ta’ Malta għal ekonomija bi klima newtrali ilu għaddej għal ħafna snin u jidher biċ-ċar b’mod partikolari fl-iżvilupp irreġistrat fl-aħħar għaxar snin fis-settur tal-enerġija,” qal Dott. Bonett

Ekonomija

Sport