Sunday, December 22, 2024

Inizjattiva li se tipproteġi partijiet terzi milqutin minn xogħlijiet ta’ kostruzzjoni

Aqra wkoll

L-inizjattiva biex jissaħħaħ il-ħarsien tad-drittijiet ta’ partijiet terzi, Community Wellbeing First, issa se tiġi ppubblikata wara konsultazzjoni pubblika. Din se tidħol fis-seħħ fi żmien xahrejn hekk kif jiġi ppubblikat l-avviż legali.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius u mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) Karl Azzopardi.

Il-Ministru Farrugia qal li din l-inizjattiva hija parti minn riforma estensiva li għaddejja fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni li se tkun qed tagħti aktar serħan il-moħħ lir-residenti filwaqt li tkompli tissaħħaħ l-industrija. “Għandna bżonn nipproteġu l-benesseri tas-soċjetà tagħna, is-sostenibbiltà tal-industrija tal-kostruzzjoni u s-saħħa tal-ekonomija tagħna. Irridu niżguraw ukoll li l-familji jħossuhom siguri fi djarhom billi nimplimentaw il-miżuri kollha possibbli biex niżguraw li l-iżvilupp, kemm jista’ jkun, ma jkollux impatt negattiv fuq il-komunità”, qal il-Ministru Farrugia.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius semma li din is-sena se tibqa’ mfakkra bħala s-sena li fiha bdiet ir-riforma fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni hekk kif matul din is-sena twaqqfet l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni. Qal li din l-inizjattiva tagħti aktar saħħa u wens lill-ġar hekk kif issa ser ikollu l-opportunità li jagħżel il-perit hu a spejjeż tal-kuntrattur. Qal ukoll li s-sena 2022 ser tkun sena ta’ ħafna ħidma fejn ser naraw liġijiet ġodda f’dan is-settur, liema liġijiet iwasslu għal aktar professjonalità mill-kuntratturi u mill-ħaddiema, li awtomatikament twassal ukoll għal aktar sigurtà lit-terzi.

Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-gvern se jkompli jissalvagwardja d-drittijiet ta’ dawk milquta minn xogħlijiet ta’ twaqqigħ, tħaffir jew kostruzzjoni billi jilleġiżla l-kumpens mogħti meta jingaġġa perit biex jirrevedi r-rapporti tal-kundizzjoni jew id-dikjarazzjonijiet tal-metodi.

Meta 50% jew aktar tas-sidien ta’ kumpless milqut minn tali xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ma jaqblux mar-rapporti tal-kundizzjoni jew id-dikjarazzjonijiet tal-metodi, il-perit jista’ jiġi ngaġġat biex jirrevedi dawn id-dokumenti u jagħmel talba għal rimborż, li m’għandhiex taqbeż il-€500, VAT eskluż.

Għalhekk, l-iżviluppatur għandu jissottometti garanzija bankarja ekwivalenti għal dan l-ammont lill-BCA għal kull kumpless fiż-żona affettwata. Biex jiġu ssalvagwardjati drittijiet ta’ partijiet terzi, l-ebda xogħlijiet m’għandhom jibdew qabel l-approvazzjoni tal-BCA.

Il-Kap Eżekuttiv tal-BCA Karl Azzopardi nnota li din l-emenda hija waħda minn numru ta’ miżuri li l-awtorità l-ġdida qed taħdem fuqhom, u li tifforma parti minn programm ħolistiku li għandu jara l-proċess ta’ trasformazzjoni gradwali iżda sod għall-industrija tal-kostruzzjoni. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn www.bca.org.mt.

Ekonomija

Sport