Monday, May 4, 2026

Investiment ta’ €1 miljun fil-Biċċerija Pubblika jsaħħaħ il-modernizzazzjoni tas-settur

Tittella’ b’suċċess edizzjoni oħra ta’ Festa Laħam

Aqra wkoll

Investiment ta’ madwar miljun ewro fil-Biċċerija Pubblika fil-Marsa qed jimmarka pass importanti ’l quddiem fl-immodernizzar tas-settur tal-laħam f’Malta, permezz tal-introduzzjoni ta’ sistema ġdida u innovattiva vertikali għat-tneħħija tas-suf tal-majjal. Dan tħabbar waqt Festa Laħam 2026, li għal darb’oħra kkonfermat ruħha bħala attività ewlenija fil-kalendarju agrikolu u gastronomiku Malti.

L-investiment, li huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea b’kontribuzzjoni ta’ 60%, qed jissostitwixxi l-metodu tradizzjonali u jintroduċi sistema moderna li tippermetti kontroll aktar preċiż tal-proċess, tnaqqis sinifikanti fil-ħela tal-ilma u tal-enerġija, u pproċessar aktar effiċjenti. Dan ifisser li jista’ jiġi pproċessat volum akbar ta’ majjal b’livell ogħla ta’ kwalità u standards aktar avvanzati.

Vantaġġ ewlieni tas-sistema l-ġdida huwa li tippermetti l-ipproċessar ta’ karkassi ferm ikbar, sa 250 kilo, meta qabel il-limitu kien ta’ madwar 120 kilo. Dan qed jiftaħ opportunitajiet ġodda għar-raħħala Maltin biex jiddiversifikaw il-produzzjoni tagħhom u jidħlu f’niċeċ ta’ suq ġodda, inkluż prodotti ta’ kwalità għolja bħal prosciutto, pancetta, guanciale u oħrajn.

Fl-istess waqt, is-sistema ttejjeb ukoll il-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, billi tnaqqas b’mod sinifikanti l-intervent manwali u r-riskju ta’ korrimenti, u toħloq ambjent aktar sigur għall-ħaddiema.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal li dan l-investiment huwa eżempju ċar tal-viżjoni tal-Gvern biex jissaħħaħ is-settur agrikolu u jiżdied il-valur miżjud tal-prodott lokali. “Il-Gvern impenjat li jkompli jinvesti f’teknoloġija moderna u infrastruttura avvanzata biex jinbena settur tal-laħam aktar sostenibbli, effiċjenti u kompetittiv, li joffri opportunitajiet ġodda lir-raħħala u lill-produtturi Maltin, filwaqt li jkompli jsaħħaħ l-ekonomija tal-pajjiż,” tenna l-Ministru Refalo.

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif Fondi Ewropej qed isostnu dan il-proġett importanti. Fil-fatt €350,000 huma mill-Fondi Ewropej. Huwa saħaq fuq l-importanza ta’ investiment strateġiku li jsaħħaħ setturi kruċjali tal-ekonomija Maltija b’mod sostenibbli.

Id-Direttur tal-Biċċerija Pubblika Stefan Cachia rrimarka li din is-sistema se tkompli ttejjeb l-effiċjenza operattiva filwaqt li tgħolli l-istandards tal-ipproċessar tal-laħam f’pajjiżna.

Ittellgħet b’suċċess ukoll edizzjoni oħra ta’ Festa Laħam, li attirat numru ta’ familji Maltin li gawdew minn firxa wiesgħa ta’ prodotti tradizzjonali u innovattivi, sessjonijiet ta’ live cooking u attivitajiet edukattivi għat-tfal, inkluż kontribuzzjoni minn Esplora. L-attività kienet mibnija fuq il-pilastri tal-kwalità, il-wirt agrogastronomiku, l-innovazzjoni u r-rabta mal-komunità.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport