Saturday, December 21, 2024

Irrifjuta li jixhed kontra dak li ffilmjah iwettaq atti sesswali 

Aqra wkoll

Ir-raġel li deher f’filmat iwettaq attivitajiet sesswali ma’ mara fil-klabb tal-boċċi ta’ Ħal Luqa rrifjuta li jixhed kontra r-raġel li kien qed jiffilmjah, u dan sabiex jevita milli jinkrimina lilu nnifsu. 

Sadanittant, hekk kif kompla jinstema’ l-każ kontra Mark Cachia Zammit ta’ 35 sena li jinsab mixli li xerred filmat b’kontenut sesswali online mingħajr il-kunsens tal-persuni li jidhru fih, xehed l-Ispettur Kurt Farrugia. 

L-Ispettur qal li l-Pulizija kienet irċeviet rapport dwar filmat espliċitu li kien qiegħed jiċċirkola fuq il-midja soċjali. Qal li l-Pulizija kienet identifikat il-post u anke r-raġel li deher fil-filmat iwettaq l-atti sesswali u kienu bagħtu għalih.

Dan tal-aħħar kien qal lill-pulizija li l-okkażjoni kellha tkun ikla bejn il-ħbieb u kien ġie mistieden għaliha minn ħabib tiegħu, l-imputat, li huwa magħruf bħala l-Ġinġer. Huwa kien qal ukoll li kien jaf lill-irġiel l-oħra minn wiċċhom.

Il-mara li dehret fil-filmat u l-grupp tal-irġiel kienu barra l-klabb tal-boċċi meta wasal hu u wara daħlu ġewwa. Huwa qal li dak li għamel, għamlu bir-rieda tiegħu stess u li ma kienx jaf lill-mara iżda din bdiet taqbad miegħu u għalhekk iddeċieda li jagħmel dan biex idaħħak lil sħabtu.

Fil-Qorti ħareġ ukoll li l-grupp tal-irġiel taw lill-mara €10 kull wieħed filwaqt li sħabu kienu ħallsulu għall-ikla. L-istess persuna kien identifika lil Cachia Zammit bħala l-persuna li ffilmjah u qal li ma kienx ta l-kunsens tiegħu biex dan jiġi ċċirkolat. 

Sussegwentemet, Cachia Zammit kien arrestat u fl-interrogazzjoni tiegħu kien qal lill-Pulizija li kien hu li organizza l-ikla flimkien ma’ sħabu iżda li ma kienx jaf lil dawk kollha li attendew peress li xi wħud kienu mistednin ta’ nies oħra. 

L-imputat kien ukoll qal li l-allegat vittma u l-mara kienu diġà “qegħdin jieħdu gost flimkien” metat huwa wasal fuq il-post. Madankollu, ġew innotati xi diskrepanzi meta l-pulizija għamlu analiżi tal-mobile tiegħu.

Dan hekk kif “diversi chats” urew li l-imputat kien bagħat il-filmat lil persuna oħra, iżda ma rċeviehx u għalhekk ħassru. Huwa mbagħad kien ikkonferma li ġibed il-filmat u bagħtu lil żewġ persuni oħra, filwaqt li enfasizza li ma ried iweġġa’ lil ħadd u aktar tard talab ukoll skuża lill-vittma. 

“In-numru tal-mara inkwistjoni kien ukoll imniżżel fuq il-mobile ta’ Cachia Zammit,” kompla jgħid l-Ispettur. L-imputat imbagħad ma wieġeb għall-ebda domanda oħra. 

Fil-kontro-eżami, l-Ispettur ikkonferma li madwar 13-il persuna kienu madwar il-mejda fil-ħin li seħħew dawn l-atti, li lkoll qed jiġu investigati mill-pulizija. 

Intant, meta ssejjaħ biex jixhed ir-raġel li allegatament deher fil-filmat iwettaq atti sesswali, huwa kien infurmat li se jkunu qed jiġu ppreżentati akkużi fil-konfront tiegħu. Ix-xhud iżda kien ordnat sabiex ma jixhidx sakemm il-pożizzjoni legali tiegħu tkun waħda aktar ċara. 

Il-każ ikompli f’Novembru.

Ekonomija

Sport