Sunday, December 22, 2024

“Is-sens komun u l-galbu jgħidulek biex ma taqax għall-provokazzjoni”

... Il-Messaġġ tal-President ta’ Malta lill-poplu

Aqra wkoll

“Kull ċittadin huwa liberu li jaġixxi fil-parametri tad-drittijiet mogħtija lilu mill-Kostituzzjoni. Iżda, is-sens komun u l-galbu jgħidulek illi biex ma taqax għall-provokazzjoni, il-provokazzjoni m’għandekx tfittixha jew agħar, tagħmel jew tirrendi lilek innifsek aġent tagħha”.

Dan kien il-messaġġ li wasslet l-Eċċellenża tagħha Myriam Spiteri Debono, fejn irrimarkat li fid-diskorsi tagħhom, kemm il-Prim Ministru Robert Abela u kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ħeġġew lis-segwaċi biex fil-ġranet li ġejjin, ma jaqgħux għal provokazzjoni.

Hija qalet li għakemm għandha fiduċja sħiħa fil-kapaċità tal-forzi taż-żamma tal-ordni, l-għaqal jiddetta illi ħadd m’għandu b’xi mod jikkontribwixxi biex titkisser in-normalità tal-ħajja b’sitwazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw.

Il-President fissret li jkun fl-interess ta’ kulħadd li l-forzi taż-żamma tal-ordni ma jkunux iffaċjati minn sitwazzjonijiet ’il barra min-normalità tax-xogħol tagħhom minn ġurnata għall-oħra.

Qalet ukoll; “Nerġa’ ntenni l-appell li diġà għamilt xi ġranet ilu illi l-proċessi ġudizzjarji jitħallew jimxu b’mod seren. Il-liġijiet tagħna jiggarantixxu u jissalvagwardjaw id-drittijiet ta’ min ikun qiegħed jiġi proċessat. Oltre dan, il-ġudikanti tagħna, tul iż-żmien, apparti l-għarfien profond tal-liġijiet li jħaddmu, taw prova tal-lealtà u r-rispett lejn il-liġijiet ta’ pajjiżna u urew li kapaċi jkunu imparzjali”.

Ekonomija

Sport